It-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) irreġistrat tilwima industrijali mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) kontra Securital dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħha li jagħtu servizz lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara nuqqas ta’ azzjoni, nuqqas ta’ komunikazzjoni u nuqqas ta’ tweġibiet għall-korrispondenza li għaddiet bejn il-partijiet, b’mod partikolari dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema esposti għas-sħana, speċjalment dawk li jaħdmu fuq il-bajjiet. Dan iseħħ fi żmien meta qed jinħarġu twissijiet uffiċjali dwar mewġa ta’ sħana u temperaturi estremament għoljin.
Il-GWU tesprimi wkoll id-diżappunt tagħha lejn l-ERA, li sa issa naqset milli tieħu r-responsabbiltà tagħha jew tintervjeni b’mod effettiv, bl-argument li dawn il-ħaddiema huma impjegati tal-kuntrattur. Il-Union talbet ukoll li jiġu stabbiliti Standard Operating Procedures (SOPs) ċari għal każijiet ta’ sħana estrema, iżda jidher li dawn qatt ma ġew implimentati.
Il-GWU ma tistax taċċetta li jkun hemm differenzi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jew fil-linji gwida applikati għal ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol sempliċement minħabba li huma impjegati minn entitajiet differenti. Il-Union tinsisti li l-ħaddiema kollha għandhom igawdu mill-istess kundizzjonijiet, mill-istess livell ta’ protezzjoni u jaħdmu fl-istess ambjent mingħajr ebda diskriminazzjoni.
Il-Union tenfasizza li matul il-proċess kollu aġixxiet b’mod responsabbli u raġonevoli, u għamlet kull sforz biex tinstab soluzzjoni permezz tad-djalogu. Madankollu, in-nuqqas ta’ rispons minn dawk responsabbli wasslu għal din is-sitwazzjoni, minkejja li s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema għandhom dejjem jiġu qabel kollox.
Il-GWU tavża wkoll li, fin-nuqqas ta’ progress konkret, fi żmien 48 siegħa se tkun qed toħroġ direttivi skont kif tqis li jkun l-aktar xieraq u effettiv biex tħares l-interessi u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħha.
