Mhux b’kumbinazzjoni li fl-istqarrija tiegħu l-Partit Nazzjonalista lanqas semma x’inhu l-pjan tiegħu dwar il-popolazzjoni. Ir-raġuni hija waħda sempliċi: il-proposti li għamel fil-programm elettorali tiegħu jwasslu proprju għall-oppost ta’ dak li qed jipprova jippriedka llum.
Il-PN ippropona tnaqqis fil-burokrazija biex jinġiebu aktar ħaddiema barranin, skemi ġodda biex jiġu attirati aktar ħaddiema lejn pajjiżna, u proġetti massiċċi li kulħadd isostni li biex jiġu sostnuti trid aktar ħaddiema minn barra.
Iżda l-akbar konferma li taħt il-PN, il-popolazzjoni tisplodi waslet mill-Kap tal-Oppożizzjoni stess. Alex Borg iddikjara pubblikament li, jekk ikun Prim Ministru, jirregolarizza lill-ħaddiema barranin li jinsabu f’Malta mingħajr permess tax-xogħol.
Sal-lum għadu ma ċċarax jew irtira din il-pożizzjoni.
Min-naħa l-oħra, Gvern Laburista qed iwettaq il-Labour Migration Policy fuq il-principju ewlieni li ħaddiema minn pajjiżi terzi jidħlu biss f’pajjiżna fis-setturi li huma meħtieġa biss, fosthom is-saħħa u I-kura tal-anzjani. Minn mindu ġiet introdotta din il-politika, pajjiżna rreġistra t-tieni I-inqas bilanċ nett ta’ ħaddiema barranin mill-2017.
Għalhekk, qabel ma l-Partit Nazzjonalista jipprova jagħti lezzjonijiet lil ħaddieħor, għandu l-ewwel jispjega kif il-proposti tiegħu stess ma jwasslux għal żieda fil-popolazzjoni. Il-fatti huma ċari: il-kliem tal-PN jgħid ħaġa, iżda l-politika tiegħu twassal għal oħra.
