Wednesday, July 24, 2024

Ftehim kollettiv li minnu se jgawdu 190 impjegat tal-MCST

Aqra wkoll

Ftehim kollettiv iffirmat bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-General Workers Union se jkun ta’ benefiċċju għal madwar 190 impjegat ta’ din l-entità governattiva, li jokkupaw irwoli maniġerjali, amministrattivi, tekniċi kif ukoll industrijali. Permezz ta’ dan il-ftehim, numru ta’ impjegati se jibbenefikaw minn żieda fir-remunerazzjoni tagħhom. 

L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Il-Ministru Clifton Grima qal li dan il-ftehim mhux biss isaħħaħ il-pakkett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema ta’ din l-entità, imma wkoll isaħħaħ l-entità fix-xogħol tagħha. “B’dan il-ftehim qed ninvestu fl-aqwa riżors tal-pajjiż, ir-riżors uman. Dan il-ftehim se jwassal ukoll biex il-gvern jattira ħaddiema ta’ livell għoli biex jaħdmu u jmexxu l-entitajiet tiegħu. Dan huwa importanti ħafna speċjalment fil-qasam tar-riċerka fejn il-Gvern tul dawn l-aħħar snin wera l-impenn tiegħu billi dejjem żied l-allokazzjoni f’dan is-settur,”, qal il-Ministru Grima 

Minbarra li jipprovdi żieda finanzjarja, il-ftehim kollettiv li se jkopri mill-2024 sa 2027 se jservi wkoll ta’ gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, bil-għan ewlieni li jkun ta’ aspirazzjoni għall-impjegati attwali u dawk prospettivi. Permezz tal-ftehim mistennija tittejjeb il-prestazzjoni tal-impjegati fuq ix-xogħol, sabiex tiġi promossa l-progressjoni tal-karriera tagħhom u jittejjeb ukoll ir-reklutaġġ estern, filwaqt li jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet tal-impjegati attwali. Fost il-benefiċċji li se jibdew igawdu minnhom l-impjegati tal-MCST hemm miżuri ġodda tal-familja, żieda fil-bereavement leave kif ukoll dak tal-paternità, flexi-time u assigurazzjoni tas-saħħa.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega li dan il-ftehim jinkludi miżuri aħjar sabiex impjegat jikseb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Semma wkoll uħud mill-miżuri li jinkludi dan il-ftehim, fosthom, żieda ta’ leave għall-ġenituri inkluż dawk li jagħżlu li jadottaw jew jagħmlu fostering, żieda ta’ leave għall-attivitajiet sportivi u kulturali meta impjegati jirrappreżentaw lil pajjiżna barra minn xtutna, u li sick leave mhux użat jista’ jiġi utilizzat f’każ li impjegat jimrad serjament.

“Ninsabu persważi li l-ħaddiema kollha tal-MCST se jibbenefikaw minn żidiet u vantaġġi diversi u numerużi inkluż żidiet fil-pagi lil kulħadd. Dawn l-inizjattivi ħa jgħinu wkoll biex nattiraw iktar talent tal-ogħla livell biex insaħħu r-riżorsi umani fl-entitajiet governattivi,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCST, Silvio Scerri qal, “Ninsabu ċerti li permezz tal-Ftehim Kollettiv li ġie ffirmat illum ser titnissel aktar serenità fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li bla dubju ta’ xejn, it-titjib ta’ kundizzjonijiet se jattira talent ġdid. Bħala qofol ta’ dan il-ftehim tispikka l-importanza taż-żamma ta’ bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik personali fi ħdan il-familja. Permezz tal-ftehim il-prestazzjoni tal-impjegati se tiġi rikonoxxuta darba fis-sena permezz ta’ bonus tal-prestazzjoni.”

Dan il-ftehim huwa prova oħra kif il-gvern qed juri kemm huwa kommess li jinċentiva lill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku mhux biss ekonomikament imma wkoll b’kundizzjonijiet li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-familji tagħhom.

Ekonomija

Sport