Wednesday, July 24, 2024

Ċertifikat ieħor pożittiv għal Malta fil-qasam tal-persuni LGBTIQ+

Aqra wkoll

Rapport ġdid tal-Aġenzija Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali juri li l-persuni LGBTIQ+ f’Malta mhux biss kisbu d-drittijiet ċivili iżda huma integrati u aċċettat fis-soċjetà u hemm inqas diskriminazzjoni u preġudizzji kontrihom f’Malta milli hemm bħala medja fil-pajjiżi Ewropej.

Ir-rapport intitolat LGBTIQ+ Equality at a Crossroads: Progress and Challenges huwa riżultat ta’ riċerka li l-Aġenzija Ewropea għamlet fost mitt elf individwu LGBTIQ+ f’Malta u fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li fih stħarrġet dwar l-attitudnijiet u l-isfidi li din il-komunità għandha fil-ħajja ta’ kuljum.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li dan ir-rapport jikkonferma l-passi sinifikanti li l-Maltin għamlu biex għelbu l-preġudizzji li kienu jeżistu kontra l-komunità LGBTIQ+.

Fost ir-riżultati tal-istudju hemm li f’Malta 62% tal-persuni LGBTIQ+ ma jaħbux l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Din ir-rata hija 11% aktar mill-medja Ewropea. Ir-rata tad-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ+ f’Malta hija 6% aħjar mill-medja Ewropea. Sinifikanti li 61% tal-individwi LGBTIQ+ qalu li l-gvern Malti b’mod effettiv qed jikkumbatti l-preġudizzji u l-intolleranza waqt li bħala medja fl-Ewropa 26% biss iħossu li hemm dan l-impenn.

Quddiem dawn ir-riżultati, s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dawn ir-riżultati flimkien ma’ indikaturi oħrajn li juru li l-vjolenza u fastidju, l-intolleranza u l-preġudizzji kontra l-komunità LGBTIQ+ f’Malta hija inqas mill-medja Ewropea, jagħtuha sodisfazzjon kbir.

“Fadal aktar x’isir u l-Gvern huwa impenjat biex titrawwem mentalità u kultura favur l-ugwaljanza u l-inklussività biex kull individwu, hija x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, jkun trattat b’rispett u dinjità,” żiedet tgħid is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Il-Kummissarju Ewropea għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-istudju tal-Aġenzija Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem fih minjiera ta’ informazzjoni dwar l-esperjenzi li jgħixu l-persuni LGBTIQ+. Dr Dalli qalet li dan ser iservi biex jiġu identifikati policies oħrajn biex tixxejjen id-diskriminazzjoni u jiġu imħarsa d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.

Ekonomija

Sport