Wednesday, July 24, 2024

Is-saħħa mentali… aktar servizzi fil-komunità

Aqra wkoll

Is-servizzi offruti mid-Dipartiment tas-Saħħa fir-rigward tas-saħħa mentali qed jilħqu l-għanijiet tagħhom tant li s-sena l-oħra kiem hemm 800 persuna li ġew megħjuna fid-dar tagħhom stess minflok fl-isptarijiet. Dan huwa dovut grazzi għas-servizz ġdid tal-Crisis Resolution Home Treatment. Barra minn hekk, il-helpline 1579, li huwa miftuħ 24 siegħa kuljum għal persuni li jkollhom problemi ta’ saħħa mentali, fit-12-il xahar tas-sena l-oħra rċieva madwar 8,000 telefonata. 

Dawn id-dettalji ngħataw mill-Prof. Anton Grech, Psikjatra, waqt konferenza li trattat is-saħħa mentali u x’inhi t-triq ‘il quddiem f’suġġett daqstant sensittiva u importanti. 

Huwa tkellem dwar il-ħidma li għaddejja biex ikompli jiġi provdut trattament u servizz tal-ogħla kwalità filwaqt li tenna li rridu nieħdu ħsieb lis-saħħa mentali tal-ħaddiema. Apparti hekk, huwa saħaq li “rridu naraw kif il-preżenza tagħna fil-komunità tissaħħaħ aktar.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li dan il-Gvern qed iħares ‘il quddiem biex ikompli jirriforma s-saħħa mentali f’pajjiżna. 

Qal li bħala politiċi jieħdu pjaċir meta titnieda xi strateġija, li qiegħda hemm biex tkun ta’ gwida. “Il-mediċina tant qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel li ma nixtieqx li l-istrateġija sservi biex ma nkunux nistgħu nadattaw għar-realtajiet li qed jiżvolġu f’pajjiżna.

“Importanti li dawk l-istrateġiji jħalluna nibdlu fejn hemm bżonn nibdlu. Nemmen li għandna nibdlu biex il-pazjent dejjem ikun fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu,” tenna l-Ministru Abela.

Ekonomija

Sport