Tuesday, November 26, 2024

Ftehim soċjali ieħor mal-Fondazzjoni Jean Antide

Aqra wkoll

Il-Ministeru Soċjali ssiġilla ftehim ieħor mal-Fondazzjoni Jean Antide, b’finanzjament ta’ madwar €200,000 għat-tliet snin li ġejjin. Dan il-ftehim qed isir fid-dawl ta’ ftehim soċjali ieħor eżistenti mal-fondazzjoni, li permezz tiegħu tingħata għajnuna lil vittmi ta’ vjolenza domestika.

It-Tlieta waranofsinhar ġie ffirmat ftehim separat sabiex jiġu megħjuna familji vulnerabbli. Aktar minn hekk, il-professjonisti jkollhom aktar abbiltà jidentifikaw familji li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi. Permezz ta’ din ir-residenza f’Ħal Tarxien, jingħataw numru ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u anke għajnuna legali fejn jeħtieġ. 

Il-Ministru Michael Falzon tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jistabbilixxi ftehimiet bħal dawn ma’ organizzazzjonijiet li tant iwettqu ġid fil-komunità. Qal li eżerċizzji bħal dawn jgħinu biex aktar persuni jkunu siguri u ’l bogħod mir-riskju ta’ faqar u mill-esklużjoni soċjali. Minbarra hekk, jgħinu lil dawn il-persuni jibnu sens ta’ kunfidenza u reżiljenza.

“Dan il-gvern ma jiddejjaq qatt jagħti l-għajnuna li hemm bżonn, mingħajr l-ebda preġudizzju. Importanti li nkomplu bl-outreach tagħna sabiex inkompli ngħinu familji u tfal jgħixu ħajja mingħajr piżijiet jew preokkupazzjoni  żejda”, qal il-Ministru Michael Falzon. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Jean Antide, Nora Macelli, tkellmet dwar l-importanza ta’ intervent fil-ħin qabel ikun tard wisq u jikkumplikaw aktar is-sitwazzjonijiet soċjali. Fl-aħħar snin, din il-fondazzjoni għenet madwar 7,000 individwu u ’l fuq minn 4,000 familja.

Sport