Saturday, May 4, 2024

Ftehim soċjali mal-Caritas li jlaħħaq is-somma rekord ta’ €4.2 miljun

Aqra wkoll

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla ftehim ieħor mal-Fondazzjoni Caritas, bi ftehim li jlaħħaq is-somma rekord ta’ €4.2 miljun. Dan l-investiment se jkun qed iwassal biex jitmexxa l-proġett New Hope, li jgħin persuni jegħlbu diffikultajiet b’rabta mal-użu tad-droga.

Il-proġett New Hope se jkun qed jipprovdi programmi ta’ rijabilitazzjoni, għall-irġiel u n-nisa rispettivament f’San Blas. Dan il-ftehim mifrux fuq medda ta’ 3 snin, huwa mħejji sabiex jagħti sapport lill-klijenti u sens ta’ empowerment, li jwassalhom biex jerġgħu jintegraw lura fis-soċjetà.

Il-ftehim finanzjarju maqbul, se jkun qed jiggarantixxi l-użu ta’ 42 sodda u sessjonijiet terapewtiċi ta’ 7,500 siegħa fis-sena.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Michael Falzon. Sostna, li fl-aħħar ħames snin dan il-Ministeru ħadem mill-qrib mal-Caritas, tant li għandu żewġ ftehimiet separati oħra, dak mat-tmexxija taċ-Ċentru tal-Ibwar u ta’ Dar Charles Miceli.

‘‘Illum investejna somma kbira oħra, għax nemmnu li se sservi ta’ stimolu għal kull persuna li jixtieq jirriforma ħajtu. Ma jinteressaniex għaliex dak il-persuna spiċċa fil-vizzju, jinteressana biss li ngħinu lil dak l-individwu iqum lura fuq saqajh. Nagħmel appell mill-qalb lil dawk kollha li għandhom problema  sabiex jiġu ‘l quddiem, għax li tfittex għajnujna mhux sinjal ta’ djufija, imma huwa sinjal ta’ kuraġġ’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru Michael Falzon żied jgħid li Gvern Laburista huwa l-garanzija ta’ sostenn lil kull NGO u Fondazzjoni li trid tkompli tgħin persuni u twettaq il-ġid fis-soċjeta’ tagħna. Tkellem dwar kif dawn l-aħħar ħames snin kienu xhieda ċara tal-impenn u l-għajnuna kontinwa’ li tajna bħala Gvern. Gvern li qatt ma ddejjaq jġedded ftehimiet u saħansitra jibda oħrajn ġodda, għax jifhem li hemm realtajiet soċjali li kontinwament jinbidlu.

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali kien fi sħab ma’ 25 għaqda volontarja biex permezz ta’ 33 ftehim issir ħidma f’diversi oqsma – minn ħarsien tat-tfal u żgħażagħ, ħidma favur persuni bi sfidi mentali, dawk b’vizzji, vittmi ta’ vjolenza domestika, u assistenza fost nisa li jaffaċċjaw sfidi waqt it-tqala.

Sport