Saturday, November 23, 2024

Fundación MAPFRE tagħti 100,000 maskra lil Malta

Aqra wkoll

Fundación MAPFRE, fondazzjoni bla skop ta’ profitt fi ħdan il-Grupp MAPFRE, għamlet donazzjoni ta’ 100,000 maskra ta’ protezzjoni lil Malta. Il-preżentazzjoni saret fil-Ministeru tas-Saħħa mill-President ta’ MAPFRE Middlesea, Martin Galea u l-Kap Eżekuttiv, Felipe Navarro lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Inġinier Karl Farrugia mill-Ministeru tas-Saħħa.

Din l-inizjattiva tifforma parti minn programm globali li bih Fundación MAPFRE allokat baġit ta’ €35 miljun biex tappoġġa firxa ta’ ħtiġijiet mediċi u komunitarji, biex jindirizzaw problema ta’ nuqqas ta’ provvisti kritiċi għall-professjonisti mediċi u oħrajn li qegħdin minn ta’ quddiem nett, f’27 pajjiż madwar id-dinja.

“Aħna nirrikonoxxu li dawn iż-żminijiet inċerti ħolqu sfidi uniċi għalina lkoll. Din il-pandemija ħolqot tbatijiet għal miljuni ta’ persuni madwar id-dinja u ir-riżorsi huma limitati. Madankollu, hemm element pożittiv. Qed naraw li ħafna lesti li jkunu ta’ servizz għall-iktar vulnerabbli fostna. Din hija opportunità għas-solidarjetà u biex nagħtu xi ħaġa lura lill-komunità lokali, għalhekk il-kontribut tal-maskri tal-wiċċ mill-Fundación MAPFRE,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-MAPFRE Malta, Felipe Navarro,

Iċ-Ċermen ta’ MAPFRE Middlesea, Martin Galea, irringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu bla waqfien kontra din il-pandemija ta’ COVID-19, u biex jipproteġu lilna lkoll. Huwa faħħar ukoll lil Ministru tas-Saħħa u lis-Supretendent Professur Gauci għat-tmexxija li qed juru f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Huwa qal li l-kuraġġ u s-saħħa ta’ dawk kollha involuti, li huma sors importanti ta’ inkoraġġiment, li jleqq fid-dawl tal-inċertezza li l-pajjiż u d-dinja qed jiffaċċjaw. 

L-Inġinier Karl Farrugia, Direttur Maniġerjali, direttur fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, qal li dawn il-maskri se jitqassmu lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa bħala l-ewwel responders fis-sistema tas-saħħa nazzjonali.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne rringrazzja lil Fundación MAPFRE għall-appoġġ li qed tagħti lill-ħaddiema tas-saħħa waqt dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Huwa żied jgħid li għalkemm il-Gvern qed jiżgura li jkollu ħażna adekwata ta’ tagħmir protettiv personali, inizjattivi bħal dawn mis-settur privat se jkomplu jgħinu sabiex Malta tkun aktar ippreparata meta tiġi biex tiffaċċja t-tieni mewġa potenzjali ta’ każijiet Covid-19.

…u għotja mill-Ambaxxata Ċiniża

Għotja oħra ta’ 500 maskra saret mill-Ambaxxata Ċiniża f’Malta lill-għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. 

Il-preżentazzjoni saret mis-Sinjorina Wang Zhaofeng, l-attachè politiku fl-Ambaxxata Ċiniża, lis-Sur Carmel Abela, teżorier tal-Għaqda. F’diskursata li kellha mal-President tal-Għaqda s-Sur Reno Calleja, s-Sinjorina Wang qalet li l-Ambaxxata kienet qed tagħti dawn il- maskri lill-membri tal-eżekuttiv.

“Dan  qed nagħmluh b’turija ta’ apprezzament għax-xogħol kbir li twettaq  inti u l-Għaqda biex tkattar il-ħbiberija bejn il-poplu Malti u dak Ċiniż.”

Sport