Monday, April 29, 2024

Inqas ċans li tlaqqat il-virus minn persuni li ma jurux sintomi

Aqra wkoll

Minn Claudio Coleiro

Waqt li ddikjarat li persuni li ma jkollhom ebda sintomi tal-Coronavirus xorta jistgħu jittrasmettu l-virus lil ħaddieħor, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci, spjegat ma’ dan il-ġurnal li l-possibilità li tiġi infettat huwa inqas milli kieku wieħed jiġi infettat minn persuni li jkollhom is-sintomi.

Dan is-sit staqsieha dwar dan fid-dawl tal-fatt li numru ta’ persuni qed juru tħassib tagħhom dwar iż-żieda fil-każijiet ta’ persuni li jinstabu li għandhom il-virus mingħajr ma qatt ikunu ħarġulhom xi sintomi.

Hija qalet li dan huwa fenomenu li qed narawh kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta. “Dan il-virus dejjem qed nitgħallmu dwaru. Bdejna naqbdu din is-sitwazzjoni meta konna qed nagħmlu random testing ta’ gruppi ta’ nies speċjalment f’ċertu postijiet tax-xogħol,” qalet il-Prof. Gauci. 

“Mill-evidenza sa issa nafu li anke jekk hemm persuni bla sintomi jistgħu jittrasmettu l-virus lil ħaddieħor. Veru li t-trasmissjoni hi inqas milli kieku persuna għandha s-sintomi pero’ xorta qiegħda hemm, allura xorta rridu nieħdu l-kontrolli kollha meħtieġa.”

Hija żiedet tgħid li: “sa issa minn dawn il-każijiet li aħna rajna li ma kellhom ebda sintomi komplejna nsegwuhom u kienet sitwazzjoni li huma baqgħu bl-ebda sintomi. Għaldaqstant dan hu fenomu li qed jiġri.”

Sport