Friday, April 25, 2025

Fuq ir-rota tħossok liberu u sserraħ moħħok wara xi ġurnata impenjattiva – Marquita Ritchie

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?

Bdiet minn meta kont tifla dejjem niġri bir-rota ma’ ħuti. Ir-rota dejjem sibtha ta’ avventura … issuq u tieħdok ‘il bogħod filwaqt li tara u tgħaddi minn postijiet diversi. Għamilt żmien fejn ma kont nittrenja xejn iżda lura fl-2019 xtaqt nibda nitħarreġ fiċ-ċikliżmu u mort għat-triathlon, peró, dejjem kelli xewqa li nkompli fuq ir-rota biss bħala sport, u għalhekk is-sena l-oħra ddeċidejt li naqleb l-isport. 

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

S’issa bħala suċċessi f’termini ta’ podiums ma kelli xejn peró ninsab ċerta li s-suċċess qiegħed diġá hemm billi nieħu sehem f’kompetizjonijiet tar-roti b’determinazzjoni li hekk nikseb l-esperjenzi. 

Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?

Nieħu gost nara li mill-Covid-19 ‘l hawn iċ-ċiklizmu żdied sew. Bħala livell qed jogħla speċjalment fiż żgħar. Xorta għad fadal ħafna biex nilħqu livell internazzjonali, iżda ma naqtgħux qalbna. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Huma naqra limitati għax Malta hi li hi bħala daqs fejn nistgħu nagħmlu t-taħriġ tagħna anke bħala kompetizzjonjiet għall-fatt li mhux faċli tagħlaq toroq biex tagħmel xi tellieqa. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Dejjem hemm x’titgħallem u nemmen li fadalli x’naqdef fuq ir-rota għax passjoni ma tmutx faċli. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.

Mhux ħa nsemmi ibda r-rota minħabba l-ambjent jew it-traffiku għax tifranka … li hu punt importanti wkoll. Li tibda r-rota u speċjalment toħroġ waħdek issuq, tikseb kemm fizilkalment u anke mentalment tħossok aktar b’saħħtek. L- importanti huwa li jkollok min imexxik tajjeb bħal x’rota hi addattata għalik, jarawlek l-pożizzjoni fuq ir-rota u aktar affarijiet. Fuq ir-rota tħossok liberu u sserraħ moħħok wara xi ġurnata impenjattiva! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport