Floriana kienu dominanti fil-konfront tagħhom kontra Marsaskala tant li rebħu 9-1 f’partita mill-Fuel 10K Under 16 Futsal League.
Sa tmiem l-ewwel taqsima -Greens kienu qed jirbħu 3-0 għalkemm fit-tieni taqsima kienu aktar aggressivi sabiex kisbu rebħa kbira.
Denzel Attard skorja tripletta, Zac Portelli u Luca Psaila kienu awturi ta’ doppjetta filwaqt li Euan Galea u Jamie Lewis għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Nick Caruana skorja l-uniku gowl għall-Iskalin.
Sven Azzopardi ta’ Floriana kien magħżul bħala l-aqwa plejer tal-partita.
F’logħba oħra, din id-darba minn sezzjoni B, Marsaxlokk għelbu lil Lija Athletic 4-2.
Wara li Andrea Cachia kien poġġa lil Lija minn fuq, Luca Grima skorja żewġ gowls u dawwar l-iskor favur ix-Xlukkajri. Zeon Spagnol żied ieħor b’Liam Galea jiskorja r-raba’ gowls għal Marsaxlokk. Għalxejn kien il-gowl ta’ Isaac Mizzi ta’ Lija li għamel l-iskor finali 4-2.
Liam Galea ta’ Marsaxlokk kien magħżul bħala l-aqwa plejer tal-logħba.
Il-Fuel 10K Under 16 Futsal League ikompli llum b’żewġ partiti fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport fejn fil-4.45pm, Pembroke Athleta jilagħbu kontra Qrendi filwaqt li fis-6pm, Mosta jaffaċċjaw lil Pieta’ Hotspurs.