Thursday, December 26, 2024

Futsal: Is-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena jagħlqu t-tieni fażi bl-aqwa mod

Aqra wkoll

Fl-aħħar partita tal-Enemed Challenger League qabel il-bidu tal-play-offs, is-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena għelbu lis-selezzjoni l-oħra ta’ taħt it-18-il sena bl-iskor ta’ 2-1.

Din kienet logħba bejn żewġ selezzjonijiet taż-żgħażagħ li bla dubju huma l-futur tal-futsal Malti bil-konfront li rriżulta ferm bilanċjat u li ġie deċiż fl-aħħar żewġ minuti tal-logħba.

Is-selezzjoni ta’ taħt id-19-il sena kienu diġa’ kisbu post fil-play-offs u għalhekk użaw din il-partita bħala tħejjija għall-iktar logħbiet importanti.

Kien it-tim ta’ taħt it-18-il sena li mar minn fuq permezz ta’ Isaac Vella sabiex Ivin Gatt ġab l-iskor indaqs tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima.

Is-selezzjoni ta’ taħt id-19-il sena skorjaw il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Collin Sammut.
Referees kienu Stefania Bonnici u Andrea Naudi.

Sadanittant saru magħrufa d-dati tal-konfronti tas-semifinali tal-Enemed Premier Futsal League fejn University of Malta ACJ Group jilagħbu kontra Swieqi United filwaqt li ċ-champions Luxol jaffaċċjaw lil ŻRQ Bormla. Dawn is-semifinali jintlagħbu fuq żewġ legs lejn l-aħħar ta’ April u l-bidu ta’ Mejju.

Mill-banda l-oħra, fl-Enemed Challenger League jintlagħbu l-kwarti tal-finali hekk kif is-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena tilgħab kontra Gżira United Santa Margherita filwaqt li Marsaskala Futsal għandhom impenn kontra Sliema Wanderers Futsal. Ir-rebbieħ ta’ dawn iż-żewġ konfronti jilgħab kontra Ta’ Xbiex Futsal jew Birżebbuġa St Peter’s Futsal.

KLASSIFIKA– ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE

University of Malta ACJ Group 39, Luxol St Andrew’s 37, ŻRQ Bormla 28, Swieqi United FC Futsal 27, Birżebbuġa St Peter’s 18.

KLASSIFIKA – ENEMED CHALLENGER LEAGUE

Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 27,  Marsaskala Futsal 25,Selezzjoni Maltija U19 13, Gżira United Santa Margherita 9, Sliema Wanderers FC Futsal 8, Selezzjoni Maltija U18 6.

Ekonomija

Sport