Monday, May 13, 2024

Futsal: Luxol u l-Universitá ta’ Malta fil-finali tal-E & L Futsal Trophy

Aqra wkoll

Se jkunu Luxol St Andrews u l-Universita’ ta’ Malta li se jikkontestaw il-finali tal-E & L Futsal Trophy wara li ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lill-avversarji rispettivi tagħhom fis-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.

Iċ-champions Luxol għelbu lil St George’s bl-iskor ta’ 8-3. Kif mistenni it-tim immexxi minn Gabriel Dobre kellu ħafna mill-pussess tal-ballun bil-Bormliżi li ddefendew kif setgħu għalkemm kien hemm mumenti fejn kienu wkoll avventurużi.

Everton Veve, Andy Mangion u Nathan Cope skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Mark Zammit u Matthew Attard żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Għal St George’s kienu Karl Luke Schembri li skorja doppjetta b’Herbert Spiteri li wkoll niżżel ismu fil-lista tal-iskorers.

L-Universita’ ta’ Malta ddominaw u rebħu t-tieni semifinali kontra Siġġiewi 10-2. Dawn tal-aħħar ġew maħsuda bil-logħob aggressiv tal-avversarji tagħhom filwaqt li ħassew mhux ftit in-nuqqas ta’ xi plejers li kienu mweġġgħin.

L-Universitarji skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ tripletta ta’ Guillherme Fonseca u doppjetti ta’ Mohammed Elamari u Jean Noel Azzopardi. Dale Valletta, Cleaven Portelli u Stefan Camilleri skorjaw aktar gowls għat-tim tagħhom.

Andre Joe Cutajar u Dale Vella skorjaw iż-żewġ gowls ta’ konsolazzjoni għal Siġġiewi.

Il-finali bejn l-Universita’ ta’ Malta u Luxol tintlagħab nhar l-Erbgħa li ġej fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport u tibda fid-8.45pm.

Sport