Wednesday, July 24, 2024

Futsal: Swieqi United u Birżebbuġa St Peter’s iżommu l-konsistenza

Aqra wkoll

Swieqi United Futsal u Birżebbuġa St Peter’s fetħu s-sena 2024 bl-aħjar mod possibbli meta kisbu rebħiet importanti fil-logħbiet rispettivi tagħhom fl-Enemed Futsal League.

Iż-żewġ naħat jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika bl-istess numru ta’ punti u huma favoriti jkunu parti mit-timijiet ewlenin fit-tieni fażi tal-kampjonat.

Birżebbuġa St Peter’s għelbu l-isfida diretta ta’ Ta’ Xbiex Futsal wara skor pożittiv ta’ 7-5.

Kienet logħba fejn t-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta dejjem kien fil-vantaġġ u minkejja li Ta’ Xbiex dejjem naqqsu l-marġni tal-iskor, dawn tal-aħħar ma rnexxielhomx jieħdu punti minn dan il-konfront.

Il-plejer Franċiż Julien Bolard kien f’forma mill-aqwa għal Birżebbuġa meta skorja hat-trick b’Kieran Debono li skorja doppjetta. Sebastian Obando u Sean Parnis għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Ta’ Xbiex baqgħu fil-logħba wara gowls ta’ Stefi Cale, Jason Gauci, Christian Wismayer, George Frendo u Matthias Camilleri.

Referees kienu Stefania Bonnici u Andrea Naudi.

Swieqi United Futsal ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena 9-2.

It-tim immexxi minn Dylan Micallef kien determinat li jikseb it-tliet punti li jżommhom mat-timijiet tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika u stabilixxew vantaġġ ta’ 6-0 sa tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima, huma baqgħu jikkontrollaw is-sitwazzjoni biż-żgħażagħ Maltin li għallinqas kellhom is-sodisfazzjon li jiskorjaw żewġ gowls ta’ konsolazzjoni.

Brayan Stiven Silva Rivera kien ta’ ispirazzjoni għal sħabu meta skorja ħames gowls b’Justin Theuma awtur ta’ doppjetta personali. Rodney Debono u Ryan Muscat żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Collin Sammut u Cody Baguley skorjaw il-gowls tas-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena.

Referees kienu Andrea Naudi u Luca Formosa.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE

University of Malta ACJ Group 24, Luxol St Andrew’s, ŻRQ Bormla 19, Swieqi United FC Futsal, Birżebbuġa St Peter’s 18, Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 12, Selezzjoni Maltija U19, Marsaskala Futsal 4,, Selezzjoni Maltija U18 3, Sliema Wanderers FC Futsal 2, Gżira United Santa Margherita 0

Ekonomija

Sport