Wednesday, May 1, 2024

Futsal: Tliet timijiet għal mal-aħħar tmienja tal-E & L Futsal Trophy

Aqra wkoll

Tliet timijiet għaddew għall-kwarti tal-finali tal-E & L Futsal Trophy hekk kif rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom.

Fil-fatt Valletta, l-Universita’ ta’ Malta u Siġġiewi qatgħu passaġġ għal din il-fażi wara rebħiet tajbin fuq Ta’ Xbiex, Naxxar Lions u Marsaskala rispettivament.

Valletta kellhom rebħa tajba ta’ 8-2 kontra Ta’ Xbiex. Protagonista għall-Beltin kien Luke Gatt li skorja tripletta filwaqt li Robert Stoyanov kien awtur ta’ doppjetta. Jhonn Anderson, Andre Ciancio u Michael Borg għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Kurt Bartolo u Redeemer Borg skorjaw il-gowls ta’ konsolazzjoni għal Ta’ Xbiex.

L-Universita’ ta’ Malta għelbu lil Naxxar Lions 6-2 f’partita li huma ddominaw għal ħafna ħin. Steven Azzopardi u Guillherme Fonseca skorjaw żewġ gowls kull wieħed waqt li Jean Noel Azzopardi u Deane Farrugia komplew iżidu l-gowls tagħhom għall-Universitarji.

Josef Azzopardi u Antoine Barbara irrispondew għal Naxxar.

Siġġiewi kellhom imorru għall-ħin barrani sabiex għelbu l-isfida denja li tawhom Marsaskala bl-iskor finali ta’ 8-7. It-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta kien żewġ minuti bogħod milli jmur għall-għoti tal-penalties, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu s-Siġġiwin li skorjaw il-gowl finali.

Andre Joe Cutajar u Jean Lopes skorjaw doppjetta kull wieħed b’Justin Theuma, Paul Bugeja, Andrea Rufa u Shataizan Zarb li wkoll iniżżlu isimhom fil-ktieb tal-iskorers.

Josef Balzan skorja doppjetta għal Marsaskala b’Ismael Tabone, Matthew Grima, Ryan Pisani, Jean Corredor u Chris Azzopardi li skorjaw aktar gowls għat-tim tagħhom.

Il-kwarti tal-finali tal-E & L Futsal Trophy jintlagħbu din il-ġimgħa hekk kif St George’s jiltaqgħu kontra Qormi, Luxol kontra Valletta b’Mellieħa li jaffaċċjaw lill-Universita’ ta’ Malta u Żurrieq li jilagħbu kontra Siġġiewi.

Sport