Saturday, September 14, 2024

Futsal: Żurrieq isellmu l-Enemed Premier League b’rebħa

Aqra wkoll

Żurrieq Futsal kisbu l-ewwel rebħa fl-Enemed Futsal Premier League wara li għelbu lil Ta’ Xbiex bl-iskor ta’ 3-2.

Iż-Żrieraq kienu determinati li jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba wara li ħarġu b’idejhom vojta fil-konfronti preċedenti. Inċidentalment din kienet ukoll l-aħħar logħba ta’ dan ir-round għaż-Żrieraq f’dan il-kampjonat hekk kif issa skont il-format il-ġdid se jkunu qed jilagħbu fiċ-Challenger League fil-jiem li ġejjin.

Kienu Ta’ Xbiex li marru minn fuq permezz ta’ Jonathan Oliveira dos Santos iżda Żurrieq ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Jose Mario Mendes Fernandes.

Il-plejer veteran Boycho Marev għamilhom 2-1 għal Żurrieq qabel ma’ Karl Sciortino reġa’ ġab l-iskor indaqs għal Ta’ Xbiex.

Sabiex kien il-goalkeeper Norvic Deguara li spiċċa l-eroj għaż-Żrieraq meta skorja l-gowl rebbieħ.

Referees: Jude Amin Utulo, Danilo Francalanza, Pierre Bonnici.

F’logħba oħra ferm interessanti, Swieqi United għelbu lill-Universita’ ta’ Malta 5-4.

Kienet partita li kien fiha minn kollox, bl-Universitarji li ħafna drabi kienu fil-vantaġġ iżda r-reazzjoni ta’ Swieqi kienet aggressiva speċjalment lejn l-aħħar fejn saħansitra ħadu t-tliet punti finali.

Brayan Stiven kien l-eroj għal Swieqi meta skorja tliet gowls filwaqt li l-kompatrijott Kolombjan Emerson Molina kien awtur ta’ doppjetta.

Il-gowls għall-Universita’ ta’ Malta waslu permezz ta’ tripletta minn Steven Camilleri u gowl ieħor ta’ Gia Nikvashvili.

Referees: Clinton Cassar, Stephen Vella, Marco La Rosa.

Mill-Enemed Challenger League, Marsaskala Futsal xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu l-isfida denja li tawhom it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena tant li rebħu 7-6.

Kienet logħba ferm bilanċjata fejn iż-żgħażagħ Maltin żammew sew mal-avversarji ferm aktar esperti minn Marsaskala.

David Sebastian Jimenez skorja tripletta għall-Iskalin filwaqt li Jean Leite Lopez u Amir Ashtiyani kienu awturi ta’ doppjetta.

Malta U19 irrispondew b’doppjetti ta’ David Nathan Balzan u Amir Louati b’Mason Agius u Denzel Camilleri li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Referees: Clinton Cassar, Monika Dashtevska, Tesmarie Busuttil.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE 

Luxol St Andrews 33, Swieqi United 28 , Ta’ Xbiex 25, L-Universita’ ta’ Malta 21, Żurrieq Futsal 18 

KLASSIFIKA – ENEMED CHALLENGER LEAGUE 

St George’s 22, Marsaskala 18, Fgura United 6, Malta U19 3, Malta Veterans 0 

Ekonomija

Sport