Wednesday, April 24, 2024

MAFA: Swieqi Braves jirritornaw għar-rebħ

Aqra wkoll

Il-leaders tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA Swieqi Braves irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Naxxar Victorians 2-0. 

Kienet logħba fejn in-Naxxarin iddefendew bi ħġarhom filwaqt li bdew itellgħu diversi kontrattakki li madankollu ma rnexxielhomx isarrfuhom f’xi gowl. 

Min-naħa tagħhom, Swieqi ħadu vantaġġ minn żewġ penalties li ngħataw favurihom sabiex ħadu tliet punti li jħalluhom fl-ewwel post tal-klassifika.  

Għalihom spikka Joao Lima Mota Santos li skorja dawn iż-żewġ penalties. Dan il-plejer beda jkun ta’ uġigħ ta’ ras għad-difiża Naxxarija anke minħabba l-fatt li l-penalties saru proprju minn fuqu.  

Min-naħa tagħhom, Naxxar baqgħu fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika. 

Referee kien Gjergji Bitri.  

Valletta Stars St Dominics kisbu rebħa importanti fil-konfront dirett kontra Balluta Barracudas hekk kif rebħu 2-1.

Kienet logħba ferm akkanita bil-Beltin li stabilixxew vantaġġ bikri fl-ewwel taqsima b’Balluta li bdew jitjiebu fit-tieni taqsima, naqqsu l-marġni tal-iskor u minkejja l-isforzi tagħhom naqsu milli jieħdu punt.

Isaac Bonello poġġa lil Valletta fil-vantaġġ fis-17-il minuta sabiex l-aqwa skorer tal-kampjonat Mohammed Abdukadir irdoppja l-iskor fis-26 minuta.

Balluta skorjaw il-gowl tal-bandiera fil-51 minuta minn Kieran Ferry.

Issa l-Istilel Beltin iħarsu b’ottimiżmu lejn il-konfront dirett li għandhom kontra Swieqi Braves ħmistax-il ġurnata oħra.

Referee kien Lorry Sammut.

Birkirkara St Joseph kisbu t-tielet rebħa staġjonali wara li għelbu lil Żabbar Southsiders 3-0. 

Il-Karkariżi ħadu vantaġġ mid-diversi ċansijiet li ħadu u kienu determinati li joħorġu bir-rebħ minn din il-logħba wara numru ta’ riżultati negattivi.  

Min-naħa ta’ Żabbar, din kienet is-seba’ telfa tal-istaġun li ħalliethom fl-aħħar post tal-klassifika. 

Protagonist ta’ din il-logħba kien Enrique Guzman li skorja tliet gowls fl-ewwel taqsima li kienu biżżejjed sabiex tahom it-tliet punti finali.  

Referee kien Reno Galea.  

Gudja Wanderers kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u komplew jinqalgħu min-naħa t’isfel tal-klassifika meta ssorprendew lil Ta’ Ġiorni Wanderers tant li rebħu 2-1.

It-tim immexxi minn Ayrton Caruana beda tajjeb din il-partita u mar minn fuq fit-18-il minuta permezz ta’ Darren Camilleri sabiex Damian Callus irdoppja eżatt lejn tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, Ta’ Ġiorni setgħu jiskorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni lejn l-aħħar permezz ta’ Samuel Barthet.

Referee kien Alex Grech.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Gżira United Sports Club ġejjin f’tagħhom wara li għelbu lil Ħamrun Amateurs 2-0.

Il-Maroons kienu determinati li jkomplu fejn ħallew fl-aħħar konfront kontra Buġibba Club de SWAT u skorjaw żewġ gowls fil-bidu li tawhom it-tliet punti finali.

L-eroj tal-Gżirjani kien Stefan Farrugia li skorja doppjetta fit-2 u fl-14-il minuta sabiex issiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.

Referee kien Peter Abela.

KLASSIFIKA MAFA – IT-TIENI DIVIŻJONI

Swieqi Braves 22, Valletta Stars St Dominics 19, Balluta Barracudas 14, Ta’ Ġiorni Wanderers 13, Birkirkara St Joseph 11, Gudja Wanderers 10, Naxxar Victorians 7, Żabbar Southsiders 6.

KLASSIFIKA MAFA – IT-TIELET DIVIŻJONI

Attard Edex Kings 18, Għaxaq Wolves 17, Gzira United Sports Club 14, Buġibba Club de SWAT 11, Fgura Spartans 8, Ħamrun Amateurs 6.

Mill-MAFA KO kellna l-kwalifikazzjoni ta’ Valletta St Pauls li għelbu lil Żebbuġ Youngsters 2-0.

Kienet logħba li l-Beltin iddominaw mill-bidu sal-aħħar għalkemm ma sabuhiex faċli jinfdu lid-difiża Żebbuġija.

Valletta marru minn fuq fil-bidu tat-tieni taqsima meta kien Matthew Salvatore li żmarka lil Kane Psaila li skorja mill-viċin.

It-tim mill-kapitali għamluhom 2-0 meta kien Kane Psaila li għadda tajjeb mal-linja sabiex ta lil Nikolay Filipov li ma falliex.

Referee: Jason Psaila.

Sport