Tuesday, September 24, 2024

Futur sabiħ għall-industrija tal-films

- Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech

Aqra wkoll

L-industrija tal-films huwa qasam li ra tibdil konsiderevoli fl-aħħar sitt snin. Rajna industrija li sa ftit snin ilu kienet staġjonali, magħrufa l-iktar għax darba kultant jiġi film kbir u jħaddem ħafna extras, għal waħda li nibtet qasam ġdid li jħaddem l-eluf, jiġġenera l-ekonomija u jrendi għixien għal ħafna familji.

It-Torċa din il-ġimgħa iltaqgħet mal-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, biex titkellem dwar dawn il-bidliet, x’wassal ghal dan il-progress fil-films u x’qed jara għal-futur. Ma jonqosx ukoll insaqsuh dwar il-film Gladiator li nħadem f’Malta bl-atturi Denzel Washington u Pedro Pascal fost l-oħrajn jaħdmu x-xeni taghhom fil-gżejjer tagħna.

Lill-Kummissarju nibdew billi nsaqsuh kif jara l-industrija tal-films sejra bħalissa.

“Tajna l-istabbilità”. Rajna iktar nies jingħaqdu magħna u jidħlu jaħdmu fl-industrija tal-films” jistqarr Kummissarju Grech.

“L-2023 kienet l-aqwa sena ta’ kull żmien, l-aqwa sena fl-istorja tal-films f’pajjiżna u u għad fadlilna iktar ħidma x’inwettqu biex naraw it-twettiq tal-pjan tagħna li nġibu din l-industrija waħda ‘world class’.

L-ambizzjoni tagħna hija li naraw li din l-industrija toħloq karrieri, waħda ‘healthy’ u sostennibli li fiha jgawdi minnha kulħadd.”

Waħda mill-iktar elementi importanti tal-industrija tal-films lokali hija l-cash rebate, li jlaħħaq l-40 fil-mija għal ċertu tip ta’ produzzjonijiet b’numru ta’ kundizzjonijiet marbuta magħhom. Dan ir-rebate, simili ta’ oħrajn f’pajjiżi ohra Ewropej, għandu l-għan li jkun ta’ inċentiv għal produzzjoni barranija li tagħżel lil Malta biex tinvesti u taħdem il-film.

Nistaqsui lill-Kummissarju fuq l-impatt tal-cash rebate fuq pajjiżna u fuq l-industrija tal-films.

Il-Kummissarju Grech jispjega li l-cash rebate poġġa lil Malta fost l-iktar destinazzjonijiet mfittxija mill-produzzjonijiet barranin u jgħid li ħafna pajjiżi Ewropej qed isegwu l-linji ta’ Malta fuq kif jitħaddem ir-rebate. Ir-rebate jinvolvi ritorn fuq l-ispiża fuq numru ta’ oqsma marbutin mall-produzzjoni tal-films bl-għan aħħari jkun li l-kumpanija li qed tipproduċi l-film tinvesti u tonfoq iżjed meta tkun f’pajjiżna, kif ukoll li tħaddem Maltin u Għawdxin bħala crew u servizzi.

Il-Kummissarju jispjega li l-cash rebate huwa fundamentali għax pajjiżna qed jikkompeti mad-dinja kollha.

“Il-cash rebate xi jfisser? Il-cash rebate huwa garanzija ta’ jobs lil dawk kollha li jaħdmu fil-films. Qed nagħtuhom serħan tal-moħħ.”

Ftit tal-ġimgħat ilu il-Kummsjoni Maltija għall-Films ippublikat studju, maħdum mill-Malta University Consulting, fuq il-cash rebate għas-sena 2022 u kif kien l-impatt tiegħu fuq l-industrija u l-ekonomija Maltija.

“Dan l-istudju wera li għal kull ewro li pajjiżna jinvesti fl-industrija tal-films u fil-jobs tan-nies, pajjiżna jiġġenera tlieta oħra fl-ekonomija.”

Il-Kummissarju Johann Grech jispjega li dak ir-ratio ta’ 1:3 hija waħda konservattiva, għaliex hemm numru ta’ ‘induced and indirect effects’ li m’humiex ikkalkulati fir-rapport tal-Malta University Consulting.

Dan ir-rapport ekonomiku juri kif pajjiżna qed jiġġenera biżżejjed introjtu biex jagħmel l-iskema sostenibbli. Minn lukandi sa kumpaniji tal-manifattura w oħrajn tal-loġistika jgawdu mill-ispiża li tagħmel produzzjoni barranija. Kumpaniji barranin iridu jimpjegaw kumpaniji lokali, li jissejħu ‘service providers’ jew fixers, li għandhom esperjenza fl-industrija tal-films f’pajjiżna.

Jidher ċar li l-industrija trendi u trendi tajjeb kemm lill-ekonomija in ġenerali u kemm lil dawk il-kumpaniji u negozji varji, direttament jew indirettament, li jissupplixxu jew jisservizzjaw produzzjoni. Allura id-domanda taqleb fuq il-ħaddiema tal-crew, li jitħaddmu bil-mijiet għal kull produzzjoni barranija, u x’qed jagħmel bħala Kummissjoni biex jissalvagwardja l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema.

“Irridu naraw li kif l-industrija tal-films kibret, il-ħaddiem jkompli jikber magħha. Irridu nagħtu is-serħan tal-moħħ lil dawk kollha li jaħdmu fiha. Nagħtu s-saħħa lill-ħaddiem. Għalhekk f’dawn l-aħħar ġimgħat ippublikajna għaxar wegħdiet għall-membri tal-crew. Dawn huma drittijiet bażiċi li l-barranin diġa jgawdu minnhom. Għalhekk irridu naraw li crews Maltin jkollhom l-istess kundizzjonijiet tal-barranin li jaħdmu f’pajjiżna.”

Dawn l-għaxar wegħdiet, li jolqtu lil dawk il-produzzjonjiet biss li huma sussidjati minn fondi pubbliċi permezz tal-cash rebate, huma proposti ta’ bidla u tiġdid fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li jaħdmu fil-films.

Huma, fil-biċċa kbira kundizzjonijiet bażiċi u ‘in line’ ma’ drittijiet standard fl-industrija, jispjega Johann Grech.

Nistaqsi x’kien il-feedback ta’ min se jħallas għal din l-ispiża żejda, jiġifieri l-istudios barranin, u x’kienet ir-reazzjoni tal-crew.

“Meta tkellimt ma’ studios internazzjonali u film makers barranin kollha jgħidulek li dawn huma bidliet tajbin, li huma affarijiet li wieħed isib fis-suq internazzjonali tal-films, speċjalment fl-Ingilterra u l-Amerika.

“Minħabba li l-cash rebate huwa wieħed b’saħħtu ma jarawx impatt fuq il-kompetitiva tal-prodott Malti, u dak huwa kruċjali għax irid jinstab bilanċ. Mill-banda l-oħra l-crew jgħidulek tajjeb ħafna, dan hu dak li rridu naraw u jemmnu li għandhom jidħlu illum qabel għada.”

“Imbagħad għandek oħrajn bħal uħud mis-service providers lokali li jisservissjaw produzzjonijiet internazzjonali u f’każi oħra ikunu producers lokali li jipproduċu produzzjonijiet f’Malta. Għandhom opinjonijiet differenti fuq id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-crews Maltin. L-għan ta dawn il-proposti huwa li naqtgħu l-abbuż. It-talba li ma nbidlu xejn, jew li nittardjaw dawn il-bidliet għas-sena d-dieħla, mhix aċċettabli. Kemm jiena u kemm il-Ministru tat-Turiżmu u l-films Clayton Bartolo kif ukoll il-Gvern lesti li nieħdu d-deċiżjonijiet biex din l-industirja tal-films tkun waħda b’saħħitha u sostennibbli. Ma jistax jkun li jkollna industrija world class jekk naħdmu b’ċertu kundizzjonijiet differenti minn tal-barranin li jaħdmu f’pajjiżna.

X’tip ta’ kundizzjonijiet qed tirreferi?

“Ħa nagħtik eżempju wieħed. Ċertu employers jħaddmu nies mingħajr kuntratt, u imbagħad jiffirmaw wieħed lejn l-aħħar tal-produzzjoni. Mhux kulħadd, biex nagħmilha ċara. Dak huwa abbuż. Aħna qed ngħidu f’waħda minn dawn il-wegħdiet li l-kuntratt irid jiġi iffirmat fl-ewwel ġimgħa.”

Il-Kummissarju Grech jispjega li biex l-industrija timxi ‘l quddiem, il-ħaddiema jridu jimxu ‘l quddiem ukoll fil-kundizzjonijiet, rati u rispett ukoll.

“Aħna se nagħtu sostenn, u l-cash rebate għalhekk qiegħda ukoll, lil dawk il-produzzjonijiet li jżommu mal-gwidi standards li toħroġ il-Kummissjoni. Affarijiet bħal ħlasijiet addizzjonali meta taħdem sebat’ijiem f’ġimgħa flok ħamsa jew li taħdem f’festa pubblika, jew overtime per eżempju, huma normalità f’ekonomiji moderni. Mhux se naċċettaw li fondi pubbliċi allokati għal investiment jmorru għand min jabbuża. Naħseb qed inkun ċar.”

Nistaqsu jekk il-pagi għandhomx jiżdiedu tal-membri tal-crew. “Irridu nagħtu standards lill-industrija tal-films. Il-prodott huwa b’saħħtu għax il-crew huma b’saħħithom u għalhekk iridu nkomplu naraw li nsostnu dan. Għamilna analiżi tar-rati li jitħallsu membri tal-crew barra minn pajjiżna. Irridu nżommu l-kompetittiva tagħna għax irridu iżjed xogħol. Jekk is-suq jara żieda fil-labour cost li tmur oltre minn waħda raġunata, ma tagħmilx ġid. Però fl-istess ħin il-ħaddiem irid jitħallas, u jitħallas tajjeb. Inkella mhux se nattiraw nies ġodda u żgħażagħ f’din l-industrija. Irid jinstab bilanc bejn il-kompetittività u l-istandards.

Punt importanti huwa li dawn huma linji gwidi. Is-suq huwa wieħed liberu u miftuħ. Noħorġu b’dawn ir-rati għax studios internazzjonali jsaqsuna għalihom biex jestimaw in-nefqa tagħhom. Aħna ngħidulhom se ssibu kwalità ta’ xogħol tajba ħafna. Il-ħaddiem irid jingħata r-rispett dovut u nemmen anke ir-rati iridu jirriflettu dan. Irridu nagħtu serħan il-moħħ lil ħaddiema biex jkunu jafu x’inhu l-minimu u l-medja tal-paga tagħhom meta jaħdmu fl-industrija tal-films.

Meta titfa’ fil-kuntest il-cash rebate u l-ħafna affarijiet oħra li jattiraw produzzjoni lejn Malta nemmen li anke b’dawn ir-rati u kundizzjonijiet ġodda se jkollna pakkett b’saħħtu ħafna.”
Insaqsu lill-Kummissarju Johann Grech fuq l-istandards li qed isemmi. Jidher ċar li l-Kummissjoni qed tisħaq standard ogħla, kemm fl-introjtu tal-ħaddiema imma anke fil-produttività u l-kwalità ta’ xogħol mistenni minnhom. Insaqsi lill-Kummissarju x’qed isir biex il-kwalità tissaħħaħ.

“Qed ninvestu ħafna fl-edukazzjoni. It-taħriġ u t-tagħlim ta’ dawk kollha li jaħdmu fl-industrija tal-films. Għax b’hekk naraw li l-crews tagħna jkomplu javvanzaw ‘l quddiem u jkunu iktar kompettitivi, biex anke nsaħħu l-prodott tagħna. Filfatt żidna l-obbligi tal-produzzjonijiet li jibbenefikaw mill-cash rebate biex huma stess jgħinuna ninvestu fit-tagħlim u fit-taħriġ tal-crews tagħna. Fit-training u l-korsijiet li nagħmlu. Irridu naraw li nagħtu garanzija lil uliedna f’din l-industrija tal-films.” jispjega il-Kummissarju.

Il-Kummissjoni tidher li qiegħda tagħti prijorità lejn l-aspett ekonomiku ta’ din l-industrija. Il-Gvern qed jinvesti ħafna f’dan il-qasam iżda mir-risposti tal-Kummissarju joħroġ ċar li jrid itella’ l-industrija terġa’ ‘l fuq, kemm fuq l-aspett ta’ produttività u l-valur tax-xogħol tal-ħaddiema u parallela magħha fid-dħul ta’ dak l-istess ħaddiem. Il-Kummissarju jispjega li kif il-Kummissjoni tixtieq tattira iżjed żgħażagħ lejn din l-industrija, sfida li kważi kull qasam tal-ekonomija qed jiffaċċja, u biex dan l-għan jintlaħaq jaf li l-industrija trid toffri pagi u kundizzjonijiet tajbin.

Bl-istat tas-suq tax-xoghol tal-lum dawn huma prerekwiżiti bażiċi u industrija li ma ssaħħaħx dawn iż-żewġ attribwiti se jkollha uġiegħ ta’ ras biex tattira t-talent f’suq riġidu ħafna, hekk kif il-livell ta’ qgħad f’pajjizna huwa fost l-inqas fl-Ewropa.

Intemm din l-intervista billi nsaqsih x’futur jara għal industrija tal-films f’pajjiżna. “Huwa futur sabiħ” jispjega l-Kummissarju Johann Grech. “Hija industrija li se tkompli tikber u pajjiżna se jkompli jattira iktar produzzjonijiet kemm kbar u oħrajn medji biex l-industrija tal-films tibqa’ għaddejja is-sena kollha. Għalhekk għandna bżonn iktar nies jingħaqdu magħna, iktar crews Maltin jaħdmu f’din l-industrija tal-films. Jien irrid nisma’ li dawk li għażlu li jaħdmu fl-industrija tal-films, jgħidulna, għażilna job fil-films u morna aħjar.”

“Propju għalhekk nhar il-Ħadd 21 ta’ Jannar se naghmlu open day għallpubbliku – “Ġurnata ma’ tal-films”. Biex huma jaraw kif din l-industrija tal-films taħdem, jaraw is-settijiet ta’ Gladiator u jaraw it-tankijiet tal-ilma joperaw fil-Malta Film Studios.

Se jkunu qed jiltaqgħu mal-crews tagħna u jisimghu l-esperjenzi u l-istejjer tagħhom. Se tkun ġurnata għall-familja kollha Maltija u Għawdxija mal-industrija tal-films.”

Sport