Monday, May 13, 2024

SFIDI MWIEĠBA B’DEĊIŻJONIJIET TAJBIN

Aqra wkoll

Bħal dan iż-żmien erba’ snin ilu, il-Partit Laburista ħatar Mexxej ġdid li kien ifisser ukoll Prim Ministru ġdid għal Malta. Kienu ċirkostanzi mhux faċli u pajjiżna kien qed jgħix mument ta’ taqlib politiku. Però, kif qal il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu nhar il-Ħadd li għadda fil-Gżira, kien hemm ukoll ħafna tajjeb fuq xiex it-tmexxija tiegħu tibni.

Iżda, minn hemm ’il quddiem forsi wieħed jistaqsi x’ma ġarax, partikolarment fid-dinja li ngħixu fiha. Mhux se nirrepetu wisq l-ovvju, għax kulħadd jaf x’għexna mill-pandemija ’l quddiem.

Però huwa f’dawn l-iktar mumenti diffiċli li wieħed ikun irid jiġġudika l-istatura ta’ dak li jkun, u bla tlaqliq żgur nistgħu niddikjaraw f’dan l-editorjal li Robert Abela għadda mit-test b’saħħa kbira, hekk kif sensiela ta’ sfidi li sab quddiemu kienu mwieġba b’deċiżjonijiet tajbin.

F’mumenti fejn il-poplu seta’ beża’ jew ippanikkja, il-Prim Ministru wera sens ta’ kontroll u statura kbira. Kontinwament pajjiżna seta’ jserraħ moħħu miċ-ċertezza u l-istabbiltà. F’pajjiżi oħra l-impatt kien differenti u fir-Renju Unit u l-Italja, biex nagħtu biss żewġ eżempji ta’ pajjiżi li nsegwu ħafna, rajna saħansitra taqlib politiku kbir. Gvernijiet oħra krollaw jew ma kinux eletti mill-ġdid. Minflok, f’Malta, Robert Abela reġa’ ġie kkonfermat Prim Ministru f’dik li kienet l-ikbar rebħa elettorali fl-istorja f’elezzjoni ġenerali.

Minn skemi b’saħħithom għal investiment, għal immaniġġjar b’saħħtu tas-settur tas-saħħa u l-kisba tal-vaċċin kmieni ferm, għal għajnuniet lill-konsumaturi u skemi kbar bħal Wage Supplement, kull darba Robert Abela wera tassew il-prijoritajiet tiegħu. Il-prijoritajiet tiegħu kienu n-nies. Fost ħafna diskors teoretiku dwar mudelli ekonomiċi, Robert Abela wieġeb fuq żewġ binarji. L-ewwel; garanzija għan-nies fl-iktar mumenti internazzjonali diffiċli. Iggarantixxa d-dħul u x-xogħol ta’ kulħadd filwaqt li ra li l-Gvern ma jżid ebda piż ġdid. It-tieni; offra pjan imġedded għal pajjiżna bil-manifest elettorali Malta Flimkien u l-elf proposta tiegħu. U dak il-manifest beda jitwettaq bis-serjetà.

Żgur li kull darba li kellu jieħu deċiżjoni, ħadha. Mid-dixxiplina interna kmieni wara li nħatar mexxej, għar-riformi fil-governanza li saħansitra raw lil pajjiżna jġib ċertifikat mill-financial action task force wara snin twal li fihom il-MoneyVal u l-istess FATF kienu qed jixegħlu bozoz ħomor għal pajjiżna.

Dan ifisser li kollox perfett? Dażgur li le u nieħdu gost li dan jirrikonoxxih il-Prim Ministru nnifsu meta fil-messaġġ għall-ewwel tas-sena emfasizza kif hemm episjodi li ġraw is-sena li għaddiet li minnhom irridu nieħdu t-tagħlimiet. Naturalment hemm ħafna iktar xi jsir u l-bidliet tal-aħħar jiem jibagħtu sinjal tajjeb li l-Gvern hu determinat li jżid ir-ritmu tiegħu u ma jistrieħx fuq is-suċċessi miksuba.

L-isfidi li hemm niktbu dwarhom sikwit, mill-inflazzjoni għall-qalba diġitali u ambjentali, għall-bidla fil-mentalità u standards ogħla f’ċerti oqsma. Pajjiżna għandu ħafna xogħol xi jsir. Iżda, jekk l-erba’ snin li għaddew huma riflessjoni ta’ dak li ġej, konvinti li se jkomplu jittieħdu dawk id-deċiżjonijiet li fl-iktar mumenti ta’ sfida jkunu jeħtieġu l-Maltin u l-Għawdxin.

Sport