Wednesday, July 24, 2024

Dion Dublin mistieden speċjali fuq l-istand ta’ VisitMalta

Aqra wkoll

Il-leġġenda tat-tim ta’ Manchester United Dion Dublin kien il-mistieden speċjali fuq l-istand ta’ VisitMalta fil-fiera tal-ivjaġġar Destinations f’Manchester fejn dawk preżenti kellhom iċ-ċans jieħdu ritratti miegħu u ħafna anke bdew jitolbu l-awtografu.

F’kumment li ta lis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Lorraine Cunningham, Dublin stqarr li f’dawn it-30 sena,dovut għall-progress, il-futbol inbidel f’ħafna aspetti bħan-nutrizzjoni, metodi ta’ taħriġ, u anke żraben  differenti fejn il-logħba ukoll saret anqas veloċi.

Dion Dublin illum il-ġurnata jokkupa rwoli differenti fejn jikkumenta dwar il-futbol fuq stazzjonijiet televiżivi Brittaniċi kif ukoll huwa direttur ta’ Cambridge United. Mistoqsi dwar x’jippreferi l-aktar qal li kollha joffrulu sodisfazzjon u ma jqishomx bħala xogħol iżda mill-kumment dirett fejn qal “tqum filgħodu titrennja u titħallas, tilgħab logħba s-Sibt u titħallas – dan huwa l-aqwa xogħol fid-dinja” żgur hija risposta ċara ta’ liema kariga hija l-aktar għal qalbu.

Bħala l-aqwa mumenti fil-karriera kalċistika tiegħu huwa qal li bla dubju ż-żmien tiegħu ma’ Manchester United kien sabiħ anke peress li kien skorja fid-debutt tiegħu mat-tim però żgur li s-sensazzjoni u l-orgolju ta’ kull meta libes il-flokk nazzjonali tal-Ingilterra hija xi ħaġa inspjegabbli.

Dublin għandu ħafna memorji sbieħ ta’ meta kien żar Malta flimkien mat-tim ta’ Manchester United ftit aktar minn 30 sena ilu iżda esprima x-xewqa li jirritorna flimkien mal-familja tiegħu possibilment matul din is-sena.

Din l-intervistà kient possibbli grazzi għal VisitMalta u l-ftehim li għandhom mat-tim ta’ Manchester United.

Ekonomija

Sport