Saturday, December 14, 2024

Gabriel Dobre maħtur kowċ interim tat-tim nazzjonali Malti tal-futsal

Aqra wkoll

Figura diġà popolari fix-xena lokali tal-Futsal, Gabriel Dobre ġie maħtur bħala l-Kowċ interim il-ġdid tat-Tim Nazzjonali tal-Futsal.

‘Gabri’ kif hu magħruf aħjar fiċ-ċrieki tal-Futsal għandu 43 sena u hu mir-Rumanija. Fil-karriera tiegħu ta’ plejer irrappreżenta lil pajjiżu bħala plejer tal-Futsal fil-livell tal-kbar, għandu wkoll esperjenza biżżejjed fix-xena lokali kemm bħala plejer ma’ Balzan, kif ukoll bħala kowċ ta’ Luxol St Andrews.

Ir-rwol interim tiegħu mat-Tim Nazzjonali tal-Futsal jinkludi l-iżvilupp ulterjuri tal-istandards tat-Tim Nazzjonali tal-Futsal, u barra minn hekk jissorvelja l-progress fil-livell taż-Żgħażagħ, u bażikament jopera fl-istess linja ta’ applikazzjoni u etika tax-xogħol daqs il-predeċessur tiegħu Zeljko Anicic li qabel wettaq xogħol mill-aqwa matul iż-żmien tiegħu li kien responsabbli mit-tim nazzjonali.

F’dan ir-rwol doppju, il-kowċ Gabriel Dobre xorta se jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu bħala Head Coach għaċ-Champions lokali tal-Futsal Luxol St Andrews, fejn l-istaġun li ġej, se jkun is-sitt tiegħu fit-tmun tat-tim li kiseb riżultati mill-aqwa f’dawn l-aħħar snin, u li fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed jikkompeti fil-Fażi ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League Elite Round, fejn se jkunu qed jiedu sehem mal-aqwa 16-il tim tal-Futsal fl-Ewropa.

Il-viċi-president tal-Malta FA responsabbli mill-Futsal, Dr Matthew Paris, il-Kap tal-Futsal fi ħdan l-Assoċjazzjoni s-Sur Mark Marlow, u l-kumplament tal-Malta FA jinsabu kuntenti b’din il-ħatra u jixtiequ jawguraw lil Gabriel Dobre f’dan il-kompitu ġdid tiegħu bħala l-kowċ interim il-ġdid tat-tim nazzjonali tal-futsal.

Ekonomija

Sport