Saturday, December 21, 2024

Ġeneral Brittaniku jrid il-lieva f’eventwalità ta’ gwerra kontra r-Russja

Aqra wkoll

L-ogħla uffiċjal militari tal-Gran Brittanja, il-Ġeneral Sir Patrick Sanders ftit tal-ġimgħa ilu ħareġ bi proposta li nies ċ-ċivili jiġu ngaġġati biex jingħaqdu mal-forzi armati f’każ li tinqala’ gwerra mar-Russja.

Din il-proposta, il-Ġeneral ħareġ biha għaliex skont hu, ir-Renju Unit mhux attrezzat biżżejjed biex jiġġieled gwerra sħiħa, u qal li l-gvern jista’ jkollu bżonn ‘jimmobilizza n-nazzjon’ u jibda jħarreġ armata ċivili. Dan fl-isfond li l-Gran Brittanja kienet qed tiffaċċja l-istess mumenti tal-1937 li jirreferu għas-sentejn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.

F’diskors li għamlet biex jissostanza l-proposta tiegħu, Sir Patrick qal li l-Gran Brittanja għandha tkun kapaċi tiġġieled u tirbaħ gwerer fuq l-art b’mod kredibbli, u ma tistax tistrieħ biss fuq il-qawwa  naval u dik tal-ajru tagħha għas-suċċess.

Huwa saħaq li fi żmien it-tliet snin li ġejjin, biex tkun kredibbli  armata Ingliża għandu jkollha mill-120,000, persuna bħala riserva strateġika.

Kliem il-Ġeneral kważi kien ripetizzjoni ta’ dak li qal is-Segretarju tad-Difiża Grant Shapps, li f’diskors ġimgħatejn ilu qal li d-dinja miexja minn dinja ta’ wara l-gwerra għal waħda ta’ qabel il-gwerra u r-Renju Unit irid jiżgura li l-ekosistema tad-difiża kollha tagħha tkun ippreparta biex tiddefendi l-pajjiż.

Għalkemm il-gvern Ingliż ċaħad li ppjana li jingaġġa lill-pubbliku, iżda ma ċaħadx l-ippjanar għall-gwerra. Meta mistoqsi jekk il-Prim Ministru jaqbilx mal-valutazzjoni tal-Ġeneral Sir Patrick li l-pubbliku jista’ jiġi  ngaġġat f’każ ta’ gwerra kontra r-Russja, il-kelliem uffiċjali tal-prim ministru Rishi Sunak wieġeb fin-negattiv.

Ippressat dwar jekk il-Prim Ministru jistax jeskludi r-reklutaġġ f’ċirkostanzi futuri, il-kelliem qal li m’hemm l-ebda ħsieb ta’ dan u l-Gvern m’għandu l-ebda pjan li dan jinbidel.

Il-kelliem insista li ‘xenarji ipotetiċi’ dwar kunflitti futuri potenzjali ‘ma kinux ta’ għajnuna’, u żied jgħid li r-Renju Unit qed jinvesti  flejjes kbar  fil-Forzi Armati tiegħu. 50 biljun lira sterlina qed jiġu investiti din is-sena biss.

Is-servizz militari obbligatorju fl-Ingilterra ġie introdott matul l-Ewwel Gwerra Dinjija taħt l-Att dwar is-Servizz Militari tal-1916. L-Att dwar is-Servizz Nazzjonali (Forzi Armati) segwa fl-1939 dakinhar li l-Gran Brittanja ddikjarat gwerra lill-Ġrmanja meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija. L-Att kien jobliga li l-irġiel kollha fl-età ta’ bejn it-18 u l-41 sena jingħaqdu fis-servizz militari.

Iżda anke matul it-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm numru ta’ nies u professjonijiet li kienu eżentati mill-abbozz, u fil-każ ta’ xenarju ipotetiku tat-Tieni Gwerra Dinjija l-istess x’aktarx japplika. 

Matul l-ewwel konskrizzjoni fl-Ewwel Gwerra Dinjija, il-guvintur taʼ bejn is-16 u l-40 sena ġew imsejħa għas- servizz militari sakemm ma kinux ministri taʼ reliġjon jew ġenituri. Aktar tard il-liġi nbidlet biex tinkludi rġiel miżżewġin u l-limitu tal-età żdied għal 51 sena.

It-tieni perijodu ta’ konskrizzjoni ġara bejn it-Tieni Gwerra Dinjija u baqa sal-1960. Matul dan il-perjodu, inizjalment irġiel waħedhom biss ta’ bejn l-20 u t-22 sena setgħu jissejħu biex isiru membri tal-milizja.

Ekonomija

Sport