Friday, May 3, 2024

“George kien raġel tas-sengħa, bieżel u dejjem ħabb lil belt twelidu”

Il-Parlament isellem il-memorja ta’ missier il-Ministru Roderick Galdes

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fis-seduta parlamentari tat-Tnejn, id-Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti flimkien mad-Deputy Speaker David Agius sellmu l-memorja ta’ George Galdes – missier il-Ministru Roderick Galdes – li ħalla din id-dinja fil-15 ta’ April li għadda fl-età ta’ 80 sena.

F’isem il-Gvern, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li tnikket malli sema’ bl-aħbar tat-telfa ta’ missier il-Ministru Galdes. Qal li George kien bena familja u ra li ma jonqsha xejn filwaqt li kien raġel tas-sengħa, bieżel imma fuq kollox dejjem ħabb lil belt twelidu.

Il-Ministru Bonnici qal ukoll li George kien magħruf immens għas-sengħa ta’ furnar li kellu, fejn żamm tradizzjoni antika tal-fran tal-ħobż ħajja minkejja d-diffikultajiet li din l-istess tradizzjoni dejjem affaċċjat.

“George mhux biss kien jipprattika din is-sengħa imma kien jagħmel aktar minn hekk u għallimha lil ħaddieħor. George kien ukoll kapaċi jibni l-ikbar fran f’Malta u rrestawra fost l-ikbar opri industrijali bħal dawn. Fi kliem ieħor, George Galdes kien Qormi ta’ vera.”

“George kien ukoll magħruf li kien strumentali u l-moħħ fl-istruttura tal-forn li fih irnexxielu jaħmi flimkien ma’ ħaddieħor mhux biss l-akbar ħobża u l-akbar bezzun imma li bis-saħħa ta’ George u ta’ oħrajn kien ukoll twaqqaf rekord dinji,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici filwaqt li fakkar li George kien ukoll involut fit-tim tal-futbol ta’ Qormi FC.

Tenna li George għalhekk kien raġel ta’ prinċipju sod fi twemminu u dejjem għallem lil uliedu jżommu saqajhom mal-art. “Forsi l-akbar tagħlima li qatt tista’ tagħti lil xi ħadd li qatt ma tinsa minn fejn wieħed ikun beda,” temm il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li minkejja li qatt ma ltaqa’ personalment ma’ missier il-Ministru Galdes, minn dak li sema’ kulħadd qal affarijiet sbieħ dwaru. Huwa semma kif persuna qrib tiegħu li kien fl-istess sala ma’ George meta kien l-isptar qallu li George kien bniedem mhux biss tal-familja imma kien il-missier tal-bieraħ.

Tkellem ukoll il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes li filwaqt li fakkar il-memorja ta’ missieru, semma kif dan “baqa’ jaħdem sal-aħħar”.

Qal li missieru kien jagħmel xogħol li ma tantx issib min jagħmlu u l-akbar weġgħa f’ħajtu kienet li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar din is-sengħa kienet qiegħda tmut. Kien għalhekk li tul ħajtu għamel tentattivi kbar biex ikun hemm żgħażagħ oħrajn li jkomplu jkattru din it-tradizzjoni.

Huwa rringrazzja lill-Membri Parlamentari kollha u l-Ispeaker tal-kondoljanzi, u lil dawk kollha li attendew għall-funeral ta’ missieru filwaqt li sellem lill-ħaddiema tas-saħħa fl-Isptar Mater Dei li għenu kemm felħu lil missieru anke fl-aħħar żmien ta’ ħajtu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport