Friday, December 13, 2024

“Għad għandna sitwazzjonijiet fejn nisa jħossuhom mhux siguri għax huma nisa” – il-Ministru Owen Bonnici

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Imxejna ħafna ‘l quddiem. Però r-realtà tibqa’ li għandna sitwazzjonijiet fejn nisa jħossuhom mhux siguri għax huma nisa, għax hemm persuna tas-sess oppost li qed juri kontroll fuqhom jew li jħoss li għandu aktar poter f’relazzjoni fejn suppost hi ugwali. Hi minħabba din ir-realtà li hemm bżonn indaħħlu l-femiċidju fil-liġi tagħna biex nibagħtu l-ikbar messaġġ li l-vjolenza kontra s-sessi mhijiex aċċettabbli u qatt mhu se tiġi ttollerata.”

Stqarr dan il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici meta fil-Parlament kompla jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu se jkun hemm emendi fil-Kodiċi Kriminali b’rabta mal-femiċidju. Huwa beda biex qal li l-vjolenza tiġi minn fejn tiġi, jagħmilha min jagħmilha, hi ħażina. “Aħna nikkundannaw lil min jagħmel il-vjolenza, hu min hu, hi min hi, tiġi minn fejn tiġi. Irridu nagħtu l-għajnuna sħiħa tagħna lil kull min hu vittma tal-vjolenza indipendentement mill-ġeneru jew is-sess tiegħu,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa għamilha ċara li biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem u s-soċjetà tagħna tkompli tissaħħaħ ma jistax ikun li jkun hawn min jaħseb jew taħseb li bil-vjolenza sew jekk fiżika u sew jekk psikoloġika, wieħed jista’ jirbaħ u jieħu r-raġun fuq ħaddieħor. 

Huwa qal li hemm pass urġenti li jrid isir, li hu l-bżonn li nirrimedjaw illum qabel għada l-pożizzjoni vulnerabbli li n-nisa jinsabu fiha f’pajjiżna fejn tidħol il-vjolenza abbażi tal-ġeneru inkluż dik domestika.

“Irridu nagħtu l-għajnuna lill-vittmi kollha” 

“Aħna nikkundannaw kull vjolenza fiżika jew psikoloġika abbażi tal-ġeneru kemm meta din issir minn raġel fuq mara u kemm meta ssir minn mara fuq raġel. Irridu nagħtu l-għajnuna lill-vittmi kollha. Naf li hawn irġiel li huma wkoll li jiġu vjolentati, jekk mhux b’mod fiżiku forsi b’mod psikoloġiku.

“Irġiel li huma mċaħħda mill-familja tagħhom hi wkoll vjolenza. Il-Gvern kommess biex anke hemm inkomplu l-battalja tagħna għax l-ebda tip ta’ vjolenza mhi aċċettabbli,” qal il-Ministru Bonnici. Min-naħa l-oħra, huwa sostna bħala fatt li hemm ferm u ferm aktar nisa li huma vittmi ta’ vjolenza minn irġiel milli rġiel li huma vittmi ta’ vjolenza minn nisa. Hawn, il-Ministru Bonnici qal li n-nisa qegħdin fi stat ta’ diżugwaljanza li rridu nikkompensawh u rridu nagħmlu xi ħaġa dwaru biex din id-diżugwaljanza ma tibqax hemm.

Meta kien qed jitkellem dwar il-vjolenza domestika, il-Ministru Bonnici għamel referenza għal statistika tal-Ġnus Magħquda li turi kif mara minn kull tlieta tesperjenza vjolenza domestika fil-ħajja tagħha. Din l-istess statistika turi li madwar 40% tan-nisa li esperjenzaw nisa imma ma jirrappurtawx dak li jkunu għaddejjin minnhom.

Huwa kompla jgħid li f’pajjiżna, f’rapport maħruġ mill-NSO fl-2019, 2,565 individwu għamlu użu mis-servizzi ta’ dawk li esperjenzaw vjolenza domestika. Minn dawn 80% kienu nisa. “Meta wieħed jikkompara l-istatiksta tal-2019 ma’ dik tat-tliet snin ta’ qabel kien hemm żieda ta’ 41% fir-rapporti ta’ vjolenza domestika.”

Aktar xokkanti minn hekk, tenna l-Ministru Bonnici, jirriżulta li minn 17-il qtil li seħħew bejn l-2018 u l-2021 il-vjolenza domestika kienet l-aktar mottiv komuni fejn ammontat għal 7 każi. 

Aqra iktar: Se jidħlu għall-ewwel darba fl-istorja legali ta’ pajjiżna numru ta’ ċirkostanzi femiċidali

Ekonomija

Sport