Saturday, May 4, 2024

“Għad hemm trasmissjoni lokali fuq barra … Importanti li nkompli nżommu d-distanza soċjali” – Charmaine Gauci

Aqra wkoll

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar sigħat ħarġu żewġ każijiet pożittivi minn fost is-700 swab test li saru lbieraħ. Hija ħabbret li minn testijiet oħra li saru nstabu erba’ pazjenti oħra li fiequ; żewġt itfal taħt l-għaxar snin u tnejn oħra bejn it-30 u 39 sena.

Rigward iż-żewġ każijiet pożittivi hija qalet li dawn huma:

-Raġel Malti ta’ 40 sena u kellu kuntatt fuq il-post tax-xogħol. Huwa kien kwarantina u b’hekk ma kienx hemm espożizzjoni u għalhekk dan huwa każ kontrollat. Intant l-awtoritajiet komplew bil-contact tracing tal-familja tiegħu u persuni oħra li kienu fl-istess post tax-xogħol.

-Malti ta’ 68 sena li beda bis-sintomi fil-25 ta’ April. Huwa jinsab f’qagħda tajba u kellu kuntatt ma’ persuni fuq il-post tax-xogħol li jagħmel abbażi volontarju u ma’ persuni tal-familja.

Rigward is-sitwazzjoni f’Ħal Far, Gauci qalet li l-awtoritajiet komplew isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni u minn 359 test kien hemm 43 persuna li rriżultaw pożittivi. Żiedet tgħid li mill-20 t’April ’l hawn ma nstab l-ebda immigrant pożittiv għall-virus u b’hekk dan juri li bi prekawzjonijiet għaqlin is-sitwazzjoni f’post fejn għandek persuni li jkollhom kuntatt ma’ xulxin li ġiet kontrollata u twaqqaf it-tixrid tal-virus.

Gauci mill-ġdid appellat biex ma nillaxkawx u biex tinżamm id-distanza soċjali bejn kulħadd b’mod speċjali bejn dawk meqjusin bħala vulnerabbli. Hija spjegat li ma nistgħux niddpendu fuq tnaqqis fil-każi biex noħorġu. Spjegat li hija nkwetanti li tara persuni li lejn tmiem il-ġimgħa tara aktar nies joħorġu. Qalet ukoll li nafu li għad hemm trasmissjoni lokali fuq barra u minħabba li dawn il-persuni qed ixerrdu l-virus jeħtieġ li nibqgħu nżommu d-distanza soċjali.

Hija tenniet li ma ddaħlux nies daqs kemm kien mistenni mill-awtoritajiet għax ittieħdu l-prekawzjonijiet biex jipproteġu lil dawk il-persuni meqjusin bħala vulnerabbli.

Sport