Sunday, December 29, 2024

Għada huwa jum ta’ luttu nazzjonali fir-Repubblika Ċeka

… wara l-qtil ta’ 14-il persuna f’università fi Praga

Aqra wkoll

Fir-Repubblika Ċeka għada se jkun qed jiġi osservat jum ta’ luttu nazzjonali wara li raġel armat qatel xejn inqas minn 14-il persuna u darab 25 oħra fi sparatura f’università fi Praga.

L-aggressur, li l-pulizija qalet li nqatel, huwa maħsub li qatel ukoll lil missieru u jista’ jkun ukoll marbut mal-mewt ta’ żewġ persuni oħra l-ġimgħa li għaddiet.

L-attakk tal-Ħamis li għadda kien deskritt bħala wieħed mill-agħar sparaturi tal-massa fl-istorja riċenti Ewropea. L-isparatura seħħet għall-ħabta tat-3.00 p.m. fil-Fakultà tal-Arti ta’ Charles University li tinsab fil-qalba tal-kapitali Ċeka.

Kien irrapportat li l-aggressur fetaħ in-nar fil-kurituri u l-klassijiet tal-università u jidher li beda joqtol “b’mod każwali”. Dan filwaqt li l-membri tal-istaff u l-istudenti pprovaw jużaw l-għamara li kien hemm fil-binja biex jistkennu mill-attakk. 

Filmatiċi drammatiċi li xxerdu fuq il-midja soċjali wrew nies saħansitra jaqbżu minn għoli ta’ diversi sulari biex jipprovaw jaħarbu mill-post u nstemgħu wkoll l-isparaturi.

Il-Pulizija Ċeka identifikat lill-aggressur bħala ġuvni ta’ 24 sena li kien ukoll student f’din l-università u li ma kellu l-ebda rekord kriminali. Intqal li huwa nstab fil-pussess ta’ numru kbir ta’ armi u anke munizzjon.

Qabel l-isparatura, il-pulizija kienet irċeviet rapport li s-suspettat kien maħsub li kien sejjer Praga minn belt fil-qrib bl-intenzjoni li joqtol lilu nnifsu. Ftit tal-ħin wara, missieru nstab mejjet.

Fost il-25 persuna midruba fl-isparatura hemm 10 li qed isofru minn ġrieħi serji. Il-Pulizija qalet ukoll li l-ebda uffiċjal ma weġġa’ f’dan l-każ.

Il-President Ċek Petr Pavel qal li jinsab ixxukkjat b’din it-traġedja u esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Ċek Petr Fiala qal fi stqarrija li: “Ninsabu lkoll ixxukkjati b’dan l-att orribbli. Huwa diffiċli li ssib il-kliem biex fuq naħa tesprimi kundanna għal dak li ġara u fuq n-naħa l-oħra turi sogħba u l-uġigħ li s-soċjetà tagħna kollha qed tħoss f’dawn il-jiem ta’ qabel il-Milied.”

Huwa ddikjara li llum is-Sibt se jkun osservat jum ta’ luttu nazzjonali, bil-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi se jittajru mezz’asta u f’nofsinhar se tinżamm minuta silenzju. Bosta avvenimenti sportivi u kulturali li kellhom isiru fi tmiem din il-ġimgħa tħassru wkoll.

Tard il-Ħamis filgħaxija, ħafna nies xegħlu xemgħat u ħallew fjuri fil-post fejn seħħ dan il-qtil tal-massa. Sa issa għadu mhux ċar il-mottiv u x’wassal għal dan kollu.

Il-Pulizija Ċeka qalet li kellha informazzjoni, li iżda ma kinitx ikkonfermata, minn profil tal-midja soċjali li l-attakk seta’ kien ispirat minn inċident simili fir-Russja. Ingħad ukoll li r-raġel armat kien ukoll suspetta fil-qtil ta’ żagħżugħ u bintu ta’ xahrejn, li dawn instabu mejta f’foresta fil-periferija ta’ Praga nhar il-15 ta’ Diċembru li għadda.

Ekonomija

Sport