Saturday, September 14, 2024

Għada jsir it-tlugħ tal-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League

Aqra wkoll

It-tlugħ tal-Fażi tal-Kampjonat tal-UFEA Champions League ta’ dan l-istaġun se jsir f’Monaco, għada, fis-6.00 pm.

Il-format il-ġdid se jara 36 team jikkontestaw il-Fażi tal-Kampjonat, li se tieħu post il-fażi tal-gruppi preċedenti. Kull team se jilgħab tmien partiti kontra tmien avversarji differenti.

Għat-tlugħ, it-timijiet se jitniżżlu f’erba’ pots ibbażati fuq il-koeffiċjenti tal-clubs  tagħhom tal-UEFA, biċ-champions renjanti – Real Madrid – l-aqwa seed ikunu mpoġġija f’Pot 1.

Id-29 team li ġejjin diġà kkonfermaw posthom f’din il-fażi huma:

Spanja: Atletico Madrid, Barcelona, Girona, Real Madrid.

Ingilterra: Manchester City, Arsenal, Liverpool, Aston Villa.

Ġermanja: Bayern Munich, Bayer Leverkusen, Borussia Dortmund, RB Leipzig, Stuttgart.

Italja: AC Milan, Atalanta, Bologna, Inter Milan, Juventus.

Franza: Brest, Monaco, Paris Saint-Germain.

Portugall: Benfica, Sporting Lisbon.

Olanda: Feyenoord, PSV Eindhoven.

Awstrija: Sturm Graz.

Skozja: Celtic.

Belġju: Club Brugge.

Ukrajna: Shakhtar Donetsk.

Is-seba’ kwalifikati li fadal se jiġu kkonfermati mir-round tal-play-offs li jiġi konkluż illum.

Ta’ min jgħid ukoll li Shakhtar Do­netsk u Benfica ikkwalifikaw bis-saħħa tar-rebbieħa taċ-Champions League u l-Europa League li diġà bbukkjaw il-postijiet tagħhom permezz tal-prestazzjoni tal-kampjonat domestiku tagħhom jew bħala riżultat tal-prestazzjoni kollettiva ta’ pajjiżhom fl-Ewropa fl-istaġun li għadda.

Barra minn hekk, iż-żewġ kampjonati tal-Italja u tal-Ġermanja ġew ippremjati b’post żejjed ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-Ewropa tas-sena l-oħra.

Kull team se jittella’ kontra żewġ avversarji minn kull wieħed mill-erba’ pots, b’partita f’daru u l-oħra barra minn daru, għal total ta’ tmien partiti.

F’din il-fażi ma jistgħux jiltqgħu timi­jiet tal-istess pajjiż għalkemm hemm xi restrizzjoni li l-UEFA se titkellem dwarhom qabel it-tlugħ tal-poloz.

L-ewwel tmien timijiet  fil-kampjonat se jikkwalifikaw awtomatikament għall-fażi eliminatorja, filwaqt li t-timijiet li jispiċċaw mid-disa’ sal-24 post se jikkompetu fi play-off b’żewġ legs biex jassiguraw post fl-Aħħar 16 tal-kompetizzjoni.

It-tmien ġranet tal-partiti huma skedati għad-dati li ġejjin:

– 1 ġurnata: 17/18/19 ta’ Settembru

– 2 ġurnata: 1/2 ta’ Ottubru

– 3 ġurnata: 22/23 ta’ Ottubru

– 4 ġurnata: 5/6 ta’ Novembru

– 5 ġurnata: 26/27 ta’ Novembru

– 6 ġurnata: 10/11 ta’ Diċembru

– 7 ġurnata: 21/22 ta’ Jannar

– 8 ġurnata: 29 ta’ Jannar

Dati oħra importanti huma:

– Play-offs: Frar 11/12 & 18/19, 2025

– L-Aħħar 16: Marzu 4/5 & 11/12, 2025

– Kwarti-finali: April 8/9 & 15/16, 2025

– Semi-finali: April 29/30 & May 6/7, 2025

– Finali: Mejju 31, 2025 (Allianz Arena – Munich – Ġermanja)

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport