Il-Greċja għamlet id-debutt tagħha fl-ogħla diviżjoni tal-UEFA Nations League b’rebħa drammatika ta’ 2-1 fuq is-Serbja f’Belgrad.
It-team immexxi mill-coach, Ivan Jovanovic, kien fl-iżvantaġġ għall-parti kbira tal-logħba, iżda rnexxielu jdawwar ir-riżultat permezz ta’ goals fit-tieni taqsima minn Christos Tzolis u Tasos Douvikas.
Is-Serbja fetħu l-iskor fir-raba’ minuta meta Dusan Tadic daħal fil-kaxxa u sab lil Andrija Zivkovic, li temm l-azzjoni b’mod mill-aktar komdu.
Il-Greċja għamlu reazzjoni iżda naqsu biex jikkonvertu l-opportunitajiet li ħolqu fejn anke kienu sfortunati li laqtu l-lasta.
Il-pressjoni fl-aħħar tat il-frott tagħha fis-74 minuta. Wara li Vangelis Pavlidis rebaħ il-ballun f’tarf tal-kaxxa l-kbira, il-ballun spiċċa għand Tzolis, li sab ix-xibka b’xutt djagonali li ħabat mal-lasta qabel daħal ġewwa.
Madankollu, fid-90 minuta, is-Serbja resqu ferm viċin li jiskorjaw il-goal tar-rebħa meta laqtu l-lasta minn Dejan Joveljic.
Iżda fil-ħin miżjud, Kostas Tsimikas xeħet ross preċiż min-naħa tax-xellug lejn is-sostitut Douvikas, li skorja b’daqqa ta’ ras biex kiseb ir-rebħa għall-viżitaturi.
Issa l-Greċja se ddawwar l-attenzjoni tagħha lejn logħba diffiċli barra minn darha kontra l-Ġermanja nhar il-Ħadd.





