għal stabbiliment ġdid ftit bogħod mill-Knisja Ta’ Ġieżu
Minn Victor Vella
“Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ma joħroġx permessi, la għall-imwejjed u lanqas għas-siġġijiet. Lanqas għandu s-setgħa legali li jinforza, iħarrek jew jiżgombra. Iżda mhu se nħalli lil ħadd jiżgwida lill-pubbliku, jgħawweġ il-fatti jew jipponta subgħajh lejn il-Kunsill. Nirrepeti, għal min għadu ma jafx: il-Kunsill m’għandu l-ebda poter fuq dawn l-oqsma. Hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti li joħorġu l-permessi, jinfurzaw il-liġi u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. Sabiex inkunu ċari u l-messaġġ ma jkunx suġġett għal ebda interpretazzjoni: il-Kunsill se jibqa’ jiddefendi lir-residenti u lill-komunità, iżda kull awtorità għandha tassumi r-responsabbiltà tagħha, tinforza l-liġi u tieħu l-azzjoni meħtieġa.”
Dan iddikjarah is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay. Meta kkuntattjat minn IT-TORĊA dwar applikazzjoni għal permess ta’ stabbilment ġdid ftit bogħod mill-Knisja ta’ Ġieżu, liema applikazzjoni wasslet biex jiġu pubblikati mill-Patrijiet Franġiskani ritratti ta’ nisa nofs ilbies jiżfnu f’dan it-taraġ għal stabbiliment partikolari, qalilna li “fuq din il-materja il-kunsill għandu pożizzjoni ċara u se nkunu qegħdin nikkomunikaw din il-pożizzjoni. Il-Kunsill se jibqa’ jkun difensur tar-residenti”, qalilna McKay.
Ammont kbir ta’ oġġezzonijiet għall-applikazzjoni
ta’ stabbiliment ħdejn Ta’ Ġieżu
Intant wara l-kontroversja li inqalgħet dwar din l-applikazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ ritratti ta’ x’ikun qed jiġri tard bil-lejl f’dak it-taraġ, għadd kbir ta’ nies għamlu oġġezzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar kontra din l-applikazzjoni.
Nistenna li jittieħdu passi seri biex dan
il-qżież ma jibqax isir
Intant kienu diversi dawk li kkummentaw dwar din il-kontroversja u esprimew is-solidarjetà mal-Patrijiet Franġiskani. Brian Bonniċi ikkummenta li “jien mhux biss nagħti solidarjetà lill-Patrijiet Franġiskani Ta’ Ġieżu imma nistenna li jittieħdu passi serji biex dan il-qżież ma jibqax iseħħ. Mhux biss minħabba l-Knisja imma wkoll minħabba d-dekor tal-kapitali Valletta. Iż-żejjed kollu żejjed. In-negozju mhux ħażin imma t-tħanżir u l-abbuż ma’ jistax jibqa’ jkun tollerat. Pulizija, MTA, awtoritajiet konċernati u l-Fondazzjoni Valletta nistennew preżenza u azzjoni. Daqskemm nistennew li PA, Lands u MTA ikunu sensittivi x’permessi qed toħorġu. Ejjew nibżgħu għad-dekor ta’ Beltna”.
‘Il-problema ta’ dan il-pajjiz hu il-bilanc,
id-dixxiplina u r-rispett lejn dawk ta madwarna’
– Lancet Barber Shop
Jikkummenta is-sit tal-Lancet Barber Shop. Jgħid li “naħseb wasal iż-żmien li nitkellem jien ukoll fuq is-sitwazzjoni li kulħadd imxebba’ biha ġewwa il-Belt kapitali u speċjalment it-triq ta fejn hemm il-ħanut tiegħi Lancet Barber Shop. Daqs kemm nista’ nitkellem jien li ilni 35 sena hemm huma waħdiet bħali li jistgħu jgħidu l-verita eżatt x’kienet fil-passat u fil-preżent illum Triq il-Ganċ u il-biċċa ta fejn hemm il-Knisja ta Ġieżu. Naħseb ħafna insew meta kont tibża’ kif jidlam u jelk toqtol kont tilħaq tidfen għax lanqas ruħ ma kont tara fit-triq. Il-problema ta’ dan il- pajjiż hu il-bilanċ, id-dixxiplina u r-rispett lejn dawk ta’ madwarna. Kienet ħolma ta’ kulhadd li beltna narawha qamet u ħadet ir-ruħ però huwa fatt assolut li ħadd ma basar li l-awtoritajiet u l-gvernijiet kienu ħa jħallu kollox għaddej bla regoli u nħallu lil kulħadd jagħmel li jrid fil-ħinijiet tal-ftuħ b’mużika b’volum għoli u bil-permessi bl-addoċċ ta’ l- imwejjed li lanqas tista’ tgħaddi mit-tarag u minn ċertu toroq oħra.
Nahseb huma dawn l-kwistjonijiet l-iktar li r-residenti huma mweġġgħin u maħruqin.”
Itenni li “jien favur l-iżvilupp u ma noqogħdux nilagħbuha tal-qaddisin u ngħidu kontra min jiftaħ negozju ta’ bar jew ristorant. Nassigurakom li kieku int l-individwu tkun fiha l-istess tagħmel għal introjtu personali aħjar jekk dejjem tista’. Jien ma tagħmilli l-ebda differenza jekk jinfetaħx ħanut quddiem knisja eżatt. Sa fejn naf jien fil-belt hemm ħafna ristoranti u bars faċċata tal-knejjes. It-triq mhix tal-knisja. It-triq hi tal-pubbliku. L-ikbar vittma huma r-residenti li lanqas tista’ tidħol ġo darek, li lanqas jistgħu jorqdu bil-lejl bl-istorbju. Li filgħodu jsibu mandra quddiem il-bieb tagħhom, kif insib jien u ħafna oħrajn inkluż il-knejjes, quddiem il-ħanut. Fil-każ tal-aħħar oġġezzjoni fejn jinfetaħ
bar viċin il-Knisja Ta’ Ġieżu hi każ magħluq qabel biss jinfetaħ meta dar titlob għal permessi biex jinfetaħ bar flok dar. Ma nkunux redikoli min ipproponiha. Mhux kwistjoni għax viċin knisja, mhux kwistjoni għax mal-ġirien imma hi kwistjoni fejn se naslu f’dan il-pajjiż, jekk residenza ( mhux garaxx) tinfetaħ bar ukoll? Jiddispjaċini ngħid imma il-knisja inġenerali sfortunatament għamlet skandli ħafna ikbar fil-passat jiġifieri ħadd m’għandu għalfejn jiskrupla.”
Itenni li “assolutament mhuwiex aċċettabbli li tara ħniżrijiet bħal ma rajna sena ilu fit-triq u saħansitra ftit ġranet ilu meta saret ħaġa simili fl-istess triq u fl-istess ħanut. Nipretendi li hawn nies fuq xogħlhom li jieħdu ħsieb dawn l-affarijiet u jieħdu l-passi li hemm bżonn. Nista’ nassigurakom li kieku jien ir-residenza tiegħi hemm, ilhom mingħajr klijenti il-barijiet tal-madwar.”
Kompla jgħid li “fl-istess ħin mhux ġust li nitfgħu lis-sidien tal-barijiet fl-istess keffa meta fit-triq tagħna hemm biss żewġ negozji li bejniethom lanqas toqgħod ix-xita fejn in-nida.”
‘Għalina dak it-taraġ
hu sagru’
– Ray Bondin
Ray Bondin, li għal snin twal ħadem fuq proġett ta’ restawr u riabilitazzjoni fil-Belt Valletta, ikkummenta li “l-familja tiegħi kienet toqgħod fi Triq San Pawl, żewġ passi ‘lbogħod minn fejn saret din il-porkerija. Għalina dan it-taraġ lejn il-knisja ta’ Ta’ Ġieżu hu sagru. F’dan it-taraġ kienu joqogħdu Enrico Mizzi u Manwel Dimech. Hu t-taraġ tad-Duluri u tal-Ġimgha l-Kbira. Barra minn dan kollu, il-Belt s’issa hi Wirt Dinji, jiġifieri fost bliet rikonoxxuti għal valur universali tiegħu. Qatt ma misshom ngħataw permessi għal bars f’din it-triq. Qatt. Lanqas fl-agħar żmien tal-Ingliżi fejn il-bars kienu Strada Stretta ma kienu qatt joħolmu li jkun hemm bars f’din triq b’din il-porkerija nsult għall-Belt Valletta”.
Għadd ta’ residenti jgħidu li proprju ftit jiem
ilu fl-istess triq kien hemm xeni bħal dawk pubblikati fir-ritratti
Intant għadd ta’ residenti li għamlu kuntatt ma’ IT-TORĊA spjegaw li proprju ftit jiem ilu fl-istess triq kien hemm żfin u xows simili għal dawk murija f’ritratti imxandrin mill-Patrijiet Franġiskani.
Resident qalilna li “sa ftit jiem ilu kien hawn wow. Lilna jaffettwana għax jiġi kkawżat ħafna storbju u lanqas inkunu nistgħu norqdu. Għalina hu ta’ inkonvenjent. Mhux se niskrupla imma ma naħsibx li dawn l-affarijiet posthom fi triq.”

