…tattiċi Amerikani mhux posthom fl-Ewropa
Minn Victor Vella
Wiċċu mal-art. Fuq art Taljana. Tisma’ l-karba. L-għajta. “Ma nistax nieħu nifs”. U wara Bologna qamet. Nies fit-toroq b’furja kbira. Ir-rabja kienet tal-biża’. Kien hemm paniku li se jiġri id-demm. Kien hemm paniku li s-sitwazzjoni se teskala ħafna. Imma minn dawn ix-xeni ta’ gwerra ċivili, ħareġ messaġġ. Li l-Ewropa mhix bħal Istati Uniti. Li t-tattiċi inumani m’għandhomx jiddaħħlu fl-Ewropa. Li min iwettaq dawn it-tattiċi irid ipatti għal għemilu, kuntrarjament għal dak li jiġri fl-Istati Uniti, immexxija minn Donald Trump. F’dan il-każ, l-għola awtoritajiet fl-Italja, iddikjaraw b’mod ċar li dak li sar hu inaċċettabbli. Rajna l-protestanti jikkonfrontaw direttament lil Pulizija. Jużaw il-vjolenza. Imma l-Pulizija tirreaġixxi b’mezzi adattati. Mhux b’forza eċċessiva.
Kollox seħħ f’Pilastro f’Bologna, 𝗔𝗯𝗱𝗲𝗿𝗿𝗮𝗵𝗶𝗺 𝗙𝗮𝗸𝗶𝗿, ta’ 𝟰𝟮 sena , imprenditur imwieled fil-Marokk li mexxa negozju żgħir miet mal-art waqt li l-Pulizija kiene qegħdin iżommuh.
L-uffiċjali kienu ġew imsejħa dwar raġel li ġab ruħu b’mod aggressiv u għamel ħsara lill-vettura. Huma sprenjawlu il-Pepper Spray u żammewh wiċċu ‘l isfel waqt li tawh il-manetti. Filmat minn residenti juri lil Abderrahim jibki. Jgħajjat għall-għajnuna. Jgħidilhom biex jieqfu. Wara segwa is-skiet. Oħtu Khadija qalet lill-lill-midja “Taljana “ma tistax tmut hekk. Jekk xi ħadd ikun aġitat, tikkalmah, mhux toqtlu bħal kelb.”
L-immaġini ta’ raġel imrażżan wiċċu l-isfel…tfakkarna
fil-mewt ta’ George Floyd
Il-mewt ta’ Abderrahim f’idejn il-Pulizija Taljana fakkritna fil-mewt ta’ George Floyd. Imma qiegħda tfakkarna f’xi ħaġa oħra jew aħjar qiegħda tqajjem mistoqsijiet ġodda. L-importazzjoni ta’ mudelli użati fl-Istati Uniti lejn l-Ewropa? Din it-tip ta’ mewt rajniha fl-Istati Uniti. Li tara raġel imrażżan wiċċu ‘l isfel sakemm jieqaf jieħu n-nifs mhix traġedja kriminali biss, imma hija teknika. Hi din l-istess teknika li d-dinja rat toqtol lil George Floyd fl-Istati Uniti.
U fl-Italja dan l-argument tqajjem. Il-politiċi Taljani qegħdin jitkellmu dwar dan. Spikka l-intervent tac-Ċentru Xellugi, Francesco Boccia. Hu wissa apertament kontra l-Italja li timporta il-mudell tal-ICE tal-Pulizija, id-drawwa Amerikana li tittratta l-persuna quddiemek bħala theddida li trid tiġi sottomessa aktar milli bħala ħajja li trid tiġi protetta. Din fl-Istati Uniti hi ċara ħafna. Biżżejjed wieħed jara l-ammont ta’ imwiet li seħħew f’idejn l-uffiċjali tal-ICE, fil-persekuzzjoni li qegħdin jagħmlu kontra l-barranin.
L-Italja ma stennietx
Il-filmat beda jinxtered b’mod mgħaġġel ħafna. Ma naqsux il-kontroversji. Ma naqsux il-kundanni. Ir-rabja tan-nies kienet immedjata u qawwija. Eluf ta’ nies niżlu fit-toroq f’Bologna. Fl-Italja u pajjiż oħra, ħafna jħarsu lejn dik l-immaġini ta’ raġel imut wiċċu ‘l isfel u jitlob għall-arja.
Diversi attivisti jitkellmu b’mod ċar u bla tlaqlieq. “Ma nistgħux inħallu dan l-episodju jiġi arkivjat. Ma nistgħux inħalluh għaddej qisu rutina.”
Protesti vjolenti
U ejja ngħiduha kif inhi l-protesti kienu vjolenti. Rajna straġi sħiħa. Aktar is-sitwazzjoni kienet tixbaħ lil dik ta’ gwerra ċivilli. Intfegħu murtali, fliexken u siġġijiet, inħarqu karozzi. Rajna ukoll għexieren ta’ uffiċjali li spiċċaw indarbu. Is-sitwazzjoni saħnet bejn il-Pulizija u dawk li ipprotestaw. L-Istat Taljan għażel li jirreaġixxi lura u wieġeb bil-gass tad-dmugħ, kanuni tal-ilma, bastuni, arresti.
X’differenza mill-Istati Uniti. Ma ġewx sparati tiri. Ma tħallewx vittmi oħra. U din hi differenza li rridu nirriflettu dwarha. Differenza li turik x’hemm differenti bejn Stat u ieħor. Fl-Istati Uniti l-ICE joqtlu persuni b’tiri din is-sena. Aġent qatel raġel fil-karozza tiegħu f’Maine. Is-sitwazzjonijiet huma simili. L-istess murtali, l-istess karozzi jaqbdu, imma d-differenza hi ċara. Din hi dik li hemnm Stat li għadu jibża’ li joqtol lin-nies tiegħu stess u wieħed li waqaf.
Il-messaġġ li ħareġ minn Bologna
Il-messaġġ li ħareġ minn Bologna kien dak li nħallu lin-nies jipprotestaw. Irridu ngħidu li kull vjolenza hi kundannabbli. Imma l-messaġġ kien ċar li n-nies jitħallew juru r-rabja tagħhom, jimlew il-pjazez, jgħajtu li huma rrabjati. Dik mhix dgħufija. Hija l-kunfidenza ta’ kontinent li m’għandux bżonn isikket lin-nies tiegħu stess biex iħossu sigur.
Ejja inkunu ċari. Dawk l-uffiċċjali tas-sigurtà bl-ebda mod ma jirrappreżentaw lill-Pulizija Taljana. M’hemm ebda dubju li l-parti l-kbira tal-Pulizija Taljana jekk jitpoġġew f’dik is-sitwazzjoni li kienu fiha dawn l-uffiċjali ma kinux se jużaw il-metodu tagħhom. Ma kinux se jużaw dik it-teknika. Ma kinux se jitfgħu raġel għarkubbejh sakemm jispiċċa bla ħajja.
U xhieda ta’ dan hu l-fatt li proprju fi ftit siegħat, il-prosekuturi fetħu investigazzjoni fuq dak li seħħ. U din hi differenza oħra. L-Istat ma ppruvax imewwet kollox. Ma ppruvax jitfa’ kollox taħt it-tapit. L-Istat ħares lejn x’ġara u ħa azzjoni. Anki biex iwassal messaġġ. Dan mhux messaġġ li pajjiż Ewropej qiegħed jgħaddi llum. Dan hu messaġġ li l-pajjiżi Ewropej ilhom li adottawh.
Kuntrarjament għal kif jiġu trattati persuni u persuni li jipprotestaw fl-Istati Uniti, fl-Ewropa ma jisparawx fuq min jipprotesta. Anke meta l-protesti isiru vjolenti. Ma jinqatlux persuni waqt arrest, anke jekk ikun wettaq att kriminal. L-Ewropa ilha li adottat standards favur id-drittijiet umani. Li tħares il-persuna.
U allura iva, il-protesti fl-Ewropa jitħallew. Dawk li jkunu qegħdin jipprotestaw jitħallew jesprimu ir-rabja. Din mhix xi ħaġa li turi li hemm Stat dgħajjef imma turi li mhemmx għalfejn wieħed isikket lil nies.
Fl-Istati Uniti….32 persuna miete f’idejn
l-ICE fis-sena 2025
Tajjeb wieħed jirrimarka li fis-sena 2025 kien hemm 32 persuna li mietu waqt li kienu fil-kustodja tal-Immigration and Customs Enforcement (ICE). Dan ifisser li s-sena 2025 saret l-aktar sena qattiela tal-aġenzija f’aktar minn żewġ deċennji, hekk kif l-amministrazzjoni Trump ħadet passi biex iżżomm numru rekord ta’ nies.
Uħud minn dawk li mietu fid-detenzjoni kienu waslu fl-Istati Uniti fl-aħħar xhur ifittxu ażil. Oħrajn kienu waslu snin ilu, xi wħud bħala tfal żgħar. Xi wħud kienu ġew arrestati fuq akkużi kriminali jew kienu servew żmien għal kundanni; oħrajn kienu nġabru fir-rejds indiskriminati tal-ICE tal-amministrazzjoni.
Dawk li spiċċaw vittmi ta’ l-ICE mietu b’aċċessjonijiet u insuffiċjenza tal-qalb, puplesija, problemi respiratorji, tuberkulożi jew suwiċidju. Xi wħud mietu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-ICE u fl-uffiċċji lokali, oħrajn wara li kienu ġew trasferiti lejn l-isptarijiet, iżda kienu għadhom taħt il-kustodja tal-ICE. F’xi każijiet, il-familji u l-avukati tagħhom allegaw li mietu minħabba negliġenza, wara li ripetutament ippruvaw u fallew milli jiksbu kura medika.
Dawn l-imwiet seħħew hekk kif l-amministrazzjoni Trump żiedet l-operazzjonijiet ta’ immigrazzjoni tagħha, u żammet numru rekord ta’ nies f’Diċembru. L-aġenzija kienet qed iżżomm 68,440 persuna f’detenzjoni f’nofs Diċembru; kważi 75 fil-mija minnhom ma kellhom l-ebda kundanna kriminali. Diċembru kien ukoll l-aktar xahar qattiel fil-kustodja tal-ICE – seba’ persuni mietu.





