…parti mill-identità u l-kultura tagħna
Minn Victor Vella
Għal xi wħud jistgħu idarrsu. Xi wħud jikkonsidrawhom bħala tgħajjir u botti. Ħafna oħrajn ikunu qegħdin jistennewhom. Ħafna minnhom l-istess minn sena għas-sena. Xi drabi d-differenza bejn raħal u ieħor tkun l-isem tal-post jew tal-qaddis. Dawn huma it-taqbiliet fil-festi tagħna. Dawn aktarx ikun taqbiliet li intirtu minn ġenerazzjoni għal oħra. Ikun hemm oħrajn li jiġu mfasslin jiem jew ġimgħat qabel il-festa. Taqbil li jsir f’marċi magħrufa bħal tal-briju, jew inkella quddiem l-istatwi b’mod partikolari meta dik l-istess vara tasal quddiem il-każin tal-partit tal-festa l-oħra fl-istess raħal. Taqbil, li ma ssibux waqt il-marċ kollu iżda jibda jingħad meta l-marċ ikun laħaq il-qofol tiegħu u meta l-partitarji jkunu quddiem il-każin tal-festa l-oħra. Ikunu mumenti fejn il-marċ idum ammont ta’ ħin wieqaf. Daqqa nofsiegħa. Xi drabi oħra tliet kwarti. U jkun f’dan il-ħin fejn żgħażagħ u adulti, irġiel u nisa, jintrefgħu fuq l-ispallejn u jgħidu t-taqbil. Xi drabi dań ikun tifħir lil Padrun jew lil qaddis li tiegħu tkun qiegħda tiġi ċċebrata l-festa. Xi drabi oħra dan it-taqbil, ikun botti jew kummenti dwar x’mar ħażin jew x’seta’ mar aħjar fil-festa l-oħra. Bejn is-sena li għaddiet u fil-festi li ġew organizzati sa issa, segwejna għadd ta’ marċi fi rħula diversi b’mod partikolari dawk li jsiru fl-aħħar tridu, fejn hemmhekk jilħqu l-qofol tagħhom dawn it-taqbiliet.
It-taqbiliet jieħdu diversi forom
Dawn it-taqbiliet ivarjaw sew minn post għal ieħor. F’xi irħula u anke bliet kbar, minkejja festi b’saħħithom din it-tradizzjoni tat-taqbil ma teżistix. Insibuha b’saħħitha sew f’irħula fin-nofsinhar tal-pajjiż, u anke f’postijiet bħal Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat. It-taqbil xi drabi jieħu diversi forom fosthom forma ta’ poeżija ċkejkna. Filfatt spiss naraw li t-taqbil ikun kwartina. Ikun hemm taqbil ukoll li jkun kantat. Dan ovvjament jiddependi mill-post fejn tkun qed issir il-festa.
Illum fenomenu ieħor….tfajliet ukoll
qegħdin iqabblu
Iż-żminijiet jibdlu d-drawwiet, u anke fejn jidħol it-taqbil, qegħdin naraw diversi tibdil. Filfatt qegħdin naraw ferm u ferm aktar tfajliet li llum qegħdin iqabblu fuq l-ispallejn. Ma’ dan qegħdin naraw li mas-solitu tqabbil li ilu jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra, qiegħed ikun hemm taqbil ġdid b’botti lejn in-naħa l-oħra. Taqbil li jenfasizzaw xi ħaġa li ma tkun marret kif suppost, jew li tkun marret ħażin, bħal xi raddiena li ma ħadmitx, xi murtal li għadu ma sarx, xi attività jew pjani li jkunu spiċċaw tħassru, jew xi proġett li jkunu għadu ma sarx.
Taqbil li jieħu għamla teatrali
F’dawn l-aħħar snin, fl-istess tqabbil kien hemm evoluzzjoni ukoll u bdejna naraw tqabbil li ma bediex isir minn persuna imma minn tlieta f’salt. Jibda wieħed u jkomplu l-oħrajn. Hu tqabbil li jieħu forma teatrali. Dan it-tqabbil hu dwar pika aktar milli fuq il-padrun jew il-qaddis li tiegħu tkun qiegħda tiġi ċċelebrata l-festa. F’dan it-tip ta’ tqabbil, il-kliem ma jkunx forma ta’ poeżija imma jieħu forma ta’ reċtar li fih issir enfasi fuq xi ħaġa li tkun marret żmerċ jew mhux kif mixtieq fil-festa l-oħra. Dawn fihom spiss tispikka is-satira.
Fuq il-qaddis jew pika….u l-aħħar vers
isir b’emozzjoni u leħen għoli biex il-folla tirrejaġixxi
Prattikament din it-tradizzjoni tat-taqbiliet jekk tanalizza dak li jingħad issib li t-tema tagħhom ġeneralment tkun taqbila jew fuq il-qaddis jew inkella pika ma’ xi organizazzjoni, festa jew xi każin tal-banda ieħor. Fejn tidħol il-parti dwar il-qaddis jew qaddisa hemmhekk tispikka taqbila b’devozzjoni. Rigward it-taqbil tal-pika, hemmhekk ix-xejriet ivarjaw ħafna b’messaġġi kultant umoristiċi, kummenti xi drabi ftit iebsin, xi drabi ftaħir fuq xi ħaġa li tkun twettqet jew dwar xi ħaġa li tkun marret żmerċ lill-partit l-ieħor tal-festa.
Taqbil li ntilef
maż-żmien ħafna taqbil intilef
Ovvjament minħabba li din hi tradizzjoni orali maż-żmien intilfu għadd ta’ taqbiliet, li għal raġuni jew oħra ma baqgħux jingħaddu. Fost dan hemm din it-taqbila li kienet tingħad fir-Rabat waqt il-festa tal-Irxoxt.
‘Tirli tam – tirli tiera.
Kristu rxoxta bil-bandiera.’
u
‘Kemm hu abjad u sabiħ.
Għax ta’ l-Ajkla ferħu bih;
Kemm hu abjad u sabiħ,
Ta’ l-istilla waqgħu bih.’
It-taqbil wirt li rridu nħarsuh
Forsi hawn min jiddarras jisma’ li t-taqbil fil-festi hu wirt li rridu nħarsuh. Wieħed jifhem li hemm argumenti favur u kontra. Hemm min jargumenta li t-taqbil iwaqqa’ l-festa fil-baxx. Wieħed jifhem li jista’ jiddarras minn ċerti botti jew minn ċertu kummenti li jingħaddu. Jibqa’ fatt imma li t-taqbil hu patrimonu lingwistiku. Mhu minnu xejn li jbaxxi l-festa. Anzi hu parti mill-identità tagħna. Hu espressjoni ta’ sezzjoni ta’ nies. Ta’ grupp li jappartjenu partit ta’ festa u li jagħżlu taqbila biex iwasslu l-messaġġ tagħhom lil dawk li jkunu qegħdin jarawhom jew jistennewhom jgħidu l-istess taqbila. Hi taqbila li ġieli tirrifletti ċirkostanzi partikolari. Forsi episodji storiċi. Titfa’ dawl xi jkun għaddej fl-istess raħal fejn jidħlu l-partiti tal-festa u l-baned.
Nifhmu li mhu kulħadd jaqbel, imma hu fatt li tradizzjonijiet orali, hu importanti li jiġu kkonservati. Hu importanti li jiġu dokumentati. Dan mhux biss biex ma jintilfux imma biex anke ta warajna jkunu konxji tagħhom. Qegħdin ngħidu dan għax it-tradizzjoni orali hija importanti ħafna, speċjalment fil-kuntest kulturali u storiku.
It-tradizzjoni orali – jiġifieri xi ħaġa li tingħad bil-fomm – f’dan il-każ taqbila (imma mhux biss), tippreserva l-kultura u l-identità. Hi xi ħaġa li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra u tgħin biex tinżamm l-identità ta’ poplu. It-tradizzjoni orali toħloq sens ta’ appartenenza u rabta bejn in-nies jew gruppi ta’ nies. Ovvjament bħal kull ħaġa oħra, it-tradizzjoni orali tista’ tinbidel maż-żmien, tirrifletti r-realtajiet u l-esperjenzi ta’ ġenerazzjonijiet differenti.
Xi taqbiliet li jingħaddu fil-festi:
Mill-festa ta’ Lourdes fil-Qrendi
Ta’ kull sena aħna ngħidulkom
dejjem tiftaħru li għandkom id-dominanza
imma x’tiswa li għandkom id-dominanza fir-raħal
jekk lanqas biss għandkom il-fratellanza
Meta tasal il-festa tagħna
jaqbadkom dellirju kbir
meta tiġi Santa Marija
ir-raħal isir qisu ċimiterju
Viva, viva is-sekondarja
dawn jgħidulna li m’għandna xejn
jekk inneħħu lil Lourdesjani
fil-Qrendi ma jifdal xejn
Perper, perper bandiera bluna
perper perper fuqna l-Qrendin
grazzi ngħidu lil ommna ta’ Lourdes
li żżommna magħqudin
Fis-sajf jinxef il-busbies
ngħidu viva Maria lourdes
għax dik tagħna biss
Festa Madonna tal-Ġilju
Għajjartuna bil-garaxx
u tgħidx kemm għedtulna bl-imbarazz
imnalla kienet dik is-sena
għax illum għandna l-isbaħ palazz
Meta tistiednu lil ta’ kontrina
tinsewx tlibbsuhom ċinga u kullar
għax bil-kobor li sar għandna
malajr jintilfu f’xi sular
F’ġurnata xemxija
hawn min jilbes is-sunglasses
u biex tagħmlu dawk taċ-ċrieki
ejjew ħa ntukom l-‘evening classes’
Lil tan-nar tagħna dejjem għamlulna unur
U llejla ngħidilhom grazzi aktar bil-qalb
għax bellhukom bil-kulur
Festa bħal tagħna ma tagħmlux,
u għal darba oħra ma impressjonajtux
Għax tistgħu tagħmel elf ‘tower of light’,
għax il-festa tagħkom dritt għal ġol-ħajt.
San Ġużepp Ħal Għaxaq:
Titħassrek Santa Marija
niesek stess ituk bis-sieq,
huma barra jisimghu l-għana u int maqfula wara l-bieb
Wara li tingħadd din it-taqbila, ikun hemm kor sħiħ ta’ nies li jibdew jgħajtu:
“U ma toħrogx u ma toħroġx, fil-Kwindiċina ma toħroġx.”
Il-funtani pjaċir kbir qed jagħtuna
Issa veru ġrejna bikom
u kif bellanikom b’dik il-bluna
Konna għadna u se nibqgħu
hawn ġo raħal magħrufin
għal taċ-ċrieki u għal tal-ħsejjes
f’idejna jibqa’ iċ-ċintorin.
Sagħtejn briju ġo din il-pjazza
marċ wara ieħor kollha hlewwa
intom iddoqqu l-innu u
tmorru tiġru tlebbtu l-ġewwa.
Hemm min jieħu t-te bil-lumi
hemm min jieħdu bl-aniżett
x’inhuma ndannati tal-istilla
mill-ikbar wieħed saż-żgħir nett
X’festa nagħmlu aħna tal-ajkla
ma nagħmlu xejn ħorrox borrox
u jekk intom ala il-banana
ejjew ħuduha bil-qoxra b’kollox.
Ikompli

