Saturday, December 14, 2024

Għaddej xogħol ta’ restawr fuq l-Għajn tal-Ħasselin fl-Imsida

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaru x-xogħol ta’ restawr li qed isir fl-Għajn tal-Ħasselin fl-Imsida. L-għan tal-proġett hu li tiġi ppreservata l-istruttura tal-għajn minn barra u minn ġewwa. Ir-restawr beda f’Jannar ta’ din is-sena u mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Ġunju 2023.

Dan il-proġett hu wieħed minn għaxar proġetti li qed jiġi implimentat taħt l-iskema tal-kunsilli lokali, liema skema tkopri restawr ta’ statwi, niċeċ, monumenti, kappelli u strutturi storiċi li jinsabu fid-diversi rħula u komunitajiet. Ix-xogħol kollu qed isir mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr.

Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza li jiġu ppreservati strutturi storiċi bħall-Għajn tal-Ħasselin. Huwa faħħar il-ħidma tal-Direttorat tal-Restawr u lill-kunsill lokali għall-impenn tagħhom f’dan il-proġett fejn qed iżommu l-wirt kulturali ħaj.

“Huwa importanti li nkomplu ninvestu fir-restawr tal-postijiet storiċi ta’ pajjiżna, mhux biss għall-valur estetiku, imma wkoll għall-benefiċċji edukattivi, kulturali u ekonomiċi,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li x-xogħlijiet ta’ restawr fuq wirt storiku huma importanti sabiex jippreservaw il-wirt kulturali tagħna, jagħtu spinta lill-ekonomija lokali, jippromwovu s-sostenibbiltà, jipprovdu opportunitajiet edukattivi u jagħtu identità unika lill-komunità. Hija faħħret ukoll il-ħidma tal-kunsilli lokali fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ postijiet fil-lokalità li jkollhom bżonn xogħol ta’ restawr.

Ekonomija

Sport