Monday, May 13, 2024

L-edukaturi se jkunu parti importanti mit-tfassil tal-Istrateġija għall-Edukazzjoni 2024-2030

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li beda t-tfassil u l-konsultazzjoni tal-Istrateġija għall-Edukazzjoni 2024-2030. L-istrateġija se tkun imfassla bis-sehem sħiħ u dirett ta’ dawk kollha li jiffurmaw parti mis-settur edukattiv, fosthom stakeholders kif ukoll ministeri oħrajn, fuq quddiem nett l-edukaturi.

“Mhux se nippreżentaw strateġija lesta quddiemkom, imma qed ngħidu li d-dokument se jibda jitfassal mill-qiegħ nett bis-sehem ta’ dawk kollha li huma s-sisien tas-settur edukattiv. Għalina l-edukaturi u r-rappreżentanti tagħhom huma msieħba importanti li għandhom il-futur ta’ wliedna għal qalbhom, u għalhekk se jkollhom sehem importanti fit-tfassil ta’ din l-istrateġija”, spjega l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru Grima enfasizza li dan is-settur huwa wieħed dinamiku u jipprogressa biex jirrifletti l-bżonnijiet emerġenti f’dinja li dejjem tinbidel. “Huwa għalhekk li rridu naħsbu għall-futur tat-tfal tagħna biex inkomplu noħolqulhom l-opportunitajiet kollha li jgħinuhom jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u fl-istess ħin naraw li nwassluhom għall-bżonnijiet emerġenti”, kompla jgħid il-Ministru Grima. Huwa għamel enfasi fuq edukazzjoni li twassal biex l-istudenti jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom.

Il-Ministru kompla jenfasizza li l-gvern jemmen li l-edukaturi għandu jkollhom rwol akbar ta’ policy-makers u għalhekk qed ikunu integrati aħjar fir-riċerka u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. “Irridu nsaħħu d-djalogu mal-edukaturi minn oqsma differenti biex niddiskutu kwalunkwe bidla intiża biex ittejjeb is-sistema preżenti, kif wegħdna wkoll fil-manifest elettorali”, temm jgħid il-Ministru Grima.

Fit-tfassil tal-istrateġija l-ġdida se jkunu involuti wkoll il-ġenituri li se jingħataw l-opportunità biex iwasslu wkoll l-opinjonijiet tagħhom. Eventwalment id-dokument jitqiegħed ukoll għall-konsultazzjoni pubblika qabel ikun ippubblikat u implimentat.

Sport