Saturday, May 4, 2024

AĠĠORNAT: L-ISPEAKER JIĊĦAD IT-TALBA TAL-OPPOŻIZZJONI DWAR ID-DIBATTITU “SOFIA”

Aqra wkoll

F’ruling li ta l-Ispeaker tal-Kamra Anglu Farrugia dwar it-talba tal-Oppożizzjoni qal li “jrid jiġi nnutat li l-element ta’ urġenza hija fundamentali biex is-Sedja tasal għad-deċiżjoni.:

Hu qal li f’dan il-każ partikolari qed nitkellmu fuq talba għal inkjesta pubblika dwar mewt traġika ta’ jean paul sofia li miett f’Diċembru 2022, li dwarha fil-qorti hemm inkjesta maġisterjali.

“Hawn is-Sedja tirrileva jekk id-dibattitu jitħalla jsir f’dan l-istadju m’għandha l-ebda garanzija li tista’ tikkontrolla d-diskussjoni b’tali mod li ma tippreġudikax l-istess inkjesta maġisterjali li għadha ma ngħalqitx u allura ma tippreġudikax ukoll id-drittijiet tal-persuni li jistgħu jkunu suġġett ta’ proċeduri kriminali konsegwenza ta’ dak il-proċess ġudizzjarju,” qal l-Ispeaker Farrugia.

Hu kompla jgħid li “s-Sedja jirriżultalha li sal-lum ma kien hemm ebda żviluppi li jirrendu l-materja tant urġenti u mgħaġġla li l-Kamra jkollha tissospendi x-xogħol tagħha b’mod immedjat sabiex tiddibatti tali materja għax inkella jkun tard wisq jekk id-dibatitu jsir fi stadju ulterjuri.”

Fuq dawn ir-raġunijiet is-Sedja ċaħdet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

05.17 – L-Oppiżizzjoni tgħid li ġiet avviċinata minn omm Jean Paul Sofia biex issir diskussjoni dwar l-inkjesta pubblika… il-Kamra sospiża biex l-Ispeaker jieħu deċiżjoni

Hekk kif illum reġa’ beda jitlaqqa’ l-Parlament wara l-vaganzi tal-Għid, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li kien ġie avviċinat minn Isabel Bonnici – omm Jean Paul Sofia – fejn apparti li għaddiet ittra lil kull Membru Parlamentari, tagħtu wkoll santa li fiha hemm ritratt ta’ binha.

Kien hawn li hu ressaq talba biex il-Kamra taġġorna biex tiddiskuti “ħaġa ta’ importanza urġenti”. Din hija l-istess talba li qed tagħmel omm Jean Paul biex ikun hemm inkjesta pubblika.

Il-ġimgħa li għaddiet omm Jean Paul marret poġġiet ritratt ta’ binha quddiem Kastilja, li wara li tneħħa, l-għada kienu l-ħbieb tiegħu li reġgħu poġġew ir-ritratt mill-ġdid.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li “qed nitlob biex il-Parlament jiddiskuti dan il-fatt, li jkun hemm inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia li seħħet f’Kordin f’Diċembru li għadda.”

Kien hawn li s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, li hu wkoll il-Whip ta-Gvern qal li bħala Grupp Parlamentari kien qiegħed juri kompassjoni ma’ omm Jean Paul Sofia, iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu kull opportunità li jitkellem f’dan il-Parlament dwar din it-tema meta hu stess ressaq mozzjoni. “Però minflok uża l-ġurnata tiegħu beix jiddiskutiha għażel flok li jiddiskuti duġġett li konna diġa tkellemna dwaru f’din il-kamra. Allura l-Kap tal-Oppożizzjoni aħjar jara x’mozzijiet intavola f’dan il-Parlament,” qal is-Segretarju Parlamentari Ellul.

Min-naħa tiegħu Bernard Grech staqsa jekk hux jifhem li min-naħa tal-Gvern ma jaqblux li niddiskutu din il-materja…

Ellul b’risposta għal dan qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu ġurnata għad-diżpożizzjoni tiegħu biex jitratta din il-mozzjoni iżda minflok għażel li jiddiskuti suġġett ieħor… allura ma jafx x’inhu jgħid…

Kien hawn li l-Ispeaker issospenda l-Kamra sakemm jagħti ruling dwar jekk għandix issir diskussjoni dwar it-talba spontanja tal-Oppożizzjoni.

Sport