Monday, May 13, 2024

Skema ta’ €2 miljun għal proġetti ta’ diġitalizzazzjoni għal negozji mikro

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett nedew skema ta’ €2 miljun, immirata speċifikament għal negozji żgħar ħafna (mikro).

Dan huwa parti mill-pjan ta’ Malta għall-Irkupru u Reżiljenza li identifika 17-il investiment u 30 riforma appoġjati minn €316.4 miljun f’fondi biex Malta tkompli tkun reżiljenti.

Din l-iskema, li hija mmirata għal mikrointrapriżi li jkollhom proġetti iżgħar, hija parti minn skemi oħra li jindirizzaw it-trawwim diġitali, intelliġenti u reżiljenti, b’total ta’ €15-il miljun.

Kumpaniji mikro huma dawk li jimpjegaw sa massimu ta’ disa’ persuni. L-ammont massimu li kumpanija tista’ tapplika għalih huwa ta’ €10,000 għal kull investiment ta’ diġitalizzazzjoni f’teknoloġiji diġitali, b’finanzjament parzjali sa 50% għall-investiment f’Malta u 60% għall-investiment f’Għawdex.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li “bħala pajjiż għarafna kmieni li t-triq ’il quddiem għan-negozji tagħna hija d-diġitalizzazzjoni. Il-kumpaniji li għamlu l-qabża diġitali f’pajjiżna kważi rdoppja iżda m’aħniex kuntenti, u b’dawn il-fondi se nkunu qegħdin ngħinu kumpaniji żgħar ħafna li għalihom tkun aktar diffiċli minn kumpaniji akbar, biex huma wkoll ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja diġitali.”

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li, “din l-iskema hi prova ċara wkoll tal-viżjoni tal-gvern li jagħmel l-fondi Ewropej, aktar minn qatt qabel, aċċessibbli għal kullħadd. Fil-konsultazzjonijiet li kellna fil-passat, ħareġ ċar li intrapriżi mikro kienu qed isibuha diffiċli jikkompetu ma’ proġetti akbar li fuq il-karta jidhru iktar ambizzjużi. Sabiex nevitaw din id-disparita, inħasset il-ħtieġa li tinħoloq skema speċifika bħal din.”

Sport