Wednesday, July 24, 2024

Għaddejjin il-preparamenti fuq it-tender għax-xiri tat-tieni interconnector

Aqra wkoll

Il-preparazzjonijiet għat-tieni interconnector waslu f’fażi ġdida hekk kif Interconnect Malta (ICM), l-entità li qed tmexxi dan il-proġett, qed tiffinalizza s-sejħa għall-akkwist tat-tieni interconnector, b’valur stmat ta’ madwar €185 miljun.

Bħala parti minn dan il-proċess, ICM ħarġet Prior Information Notice (PIN) għat-tender. Il-PIN huwa stadju ta’ akkwist fejn fornituri potenzjali jiġu avżati minn qabel dwar opportunità ta’ akkwist li tkun ser tinħareġ dalwaqt. F’dan il-każ, il-PIN se jiġi segwit minn proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-kejbil ta’ taħt il-baħar.

Dan it-tender huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm ta’ Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew 2021-2027. Dan wara valutazzjoni pożittiva mill-Project Selection Committee tal-applikazzjoni tal-proġett sottomessa minn ICM.

F’dawn il-jiem ICM ħarġet ukoll PIN ieħor relatat mat-tieni interconnector, din id-darba għat-tender relatat mal-provvista u installazzjoni ta’ sistema ta’ suppressjoni tan-nar, 220kV switchgear, fire walls f’Ragusa u l-aġġornament tas-sistema ta’ kontroll.

Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, spjegat li t-tieni interconnector huwa proġett kritiku fil-pjan ta’ Malta biex jiżgura li jintlaħqu l- miri klimatiċi ta’ Malta filwaqt li jindirizza t-tkabbir fid-domanda tal-enerġija marbuta mar-realtà ta’ekonomija li qed tikber u l-elettrifikazzjoni tat-trasport.

“It-tieni interconnector mhux biss se jżid il-kapaċità tal-ġenerazzjoni ta’ Malta bi 200MW oħra, iżda se jippermetti ukoll lill-pajjiż jinkludi aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-komposizzjoni tal-enerġija tiegħu. Dan il-proġett għandu jiffaċilita l-pjanijiet ambizzjużi ta’ Malta għall-enerġija rinnovabbli kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, hekk kif din l-interkonnessjoni se tipprovdi riżerva xierqa għall-intermittenza tar-rinnovabbli” qalet il-Ministru.

Il-proġett tat-tieni interconnector jinvolvi t-tqegħid ta’ kejbil elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ 121 kilometru, li jinkludi kejbil ta’ taħt il-baħar ta’ 99 kilometru li jopera b’220 kV bejn Malta u l-Italja.

“Dan il-proġett ta’ importanza nazzjonali se jikkonsolida s-sigurtà tal-provvista billi jirdoppja l-interkonnessjoni tal-elettriku ta’ Malta man-netwerk Ewropew. Se jippermetti wkoll żidiet fl-investimenti f’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli billi jipprovdi l-kapaċità ta’ riserva meħtieġa biex jakkomoda s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li qed jikbru fil-grid ta’ Malta, u jikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi tal-pajjiż għal kwalità ta’ ħajja aħjar” qal il-kap eżekuttiv ta ICM Inġ. Ismail D’Amato.

Informazzjoni dwar IC2

Il-Proġett ġie approvat għall-finanzjament tal-ERDF speċifikament taħt il-Priorità 2 ‘Promozzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika nadifa u ġusta, il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma mormi u l-investiment aħdar’ u l-Objettiv Speċifiku 2.3 ‘Żvilupp ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija, grids u ħżin barra min-netwerk TEN-E’.

Dan il-proġett ġie ddikjarat bħala ‘Operazzjoni ta’ Importanza Strateġika’ minħabba l-kontribut sinifikanti tiegħu għall-kisba tal-prijoritajiet nazzjonali għall-Programm 2021-2027. Il-finanzjament tal-ERDF allokat għall-Proġett jammonta għal €165 miljun u se jkopri aktar minn nofs l-ispejjeż totali tal-investiment li hu stmat madwar €300 miljun.

Aktar kmieni din is-sena, u fir-rigward tal-istess proġett, inħarġu tliet sejħiet oħra ko-finanzjati mill-UE li huma fil-perjodu ta’ sottomissjoni, relatati ma’ materjal tekniku, xogħlijiet, kif ukoll servizzi meħtieġa.

Dwar Interconnect Malta: 

Interconnect Malta Limited (ICM), li twaqqfet fl-2021, hija kumpanija governattiva fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Hija responsabbli mill-iżvilupp ta’ proġetti ewlenin tal-enerġija, fosthom Interconnector 2, it-tieni cable tal-elettriku HVAC bejn Malta u l-Italja, il-proġett Battery Energy Storage Systems (BESS) fil-Marsa u Delimara, proġetti ta’ enerġija rinnovabbli offshore u Melita TransGas Hydrogen-Ready Pipeline, li ġie identifikat bħala Project of Common Interest (5.19) mill-Unjoni Ewropea.

www.icm.mt 

Ekonomija

Sport