Wednesday, July 24, 2024

Aktar minn 200 persuna li jaħdmu mal-UE jiffirmaw ittra li tesprimi tħassib dwar il-kriżi ta’ Gaża

Aqra wkoll

Aktar minn 200 ħaddiem li jaħdmu fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea ffirmaw ittra li tesprimi tħassib li dejjem qed kompli jikber dwar ir-rispons għall-kriżi umanitarja f’Gaża, bl-argument li din tmur kontra l-valuri ewlenin tagħha u l-għan li tippromwovi l-paċi.

L-ittra, li ġiet iffirmata minn 211-il persuna li jaħdmu f’uffiċini fl-Unjoni Ewropea, tibda billi tikkundanna l-attakki tas-7 ta’ Ottubru. Dan filwaqt, li tikkworta s-sentenza ta’ Jannar mogħtija mill-Qorti internazzjonali tal-ġustizzja li ssuġġeriet riskju kredibbli għall-Palestinjani taħt il-konvenzjoni tal-ġenoċidju.

L-ittra twissi li “l-apatija kontinwa tal-UE għall-qagħda mwiegħra tal-Palestinjani” tirriskja li tinnormalizza ordni dinji fejn l-użu kbir tal-forza, pjuttost milli sistema bbażata fuq ir-regoli, tiddetermina s-sigurtà tal-istat, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika.

L-ittra mistennija tingħata lil Ursula von der Leyen, il-president tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll lil Roberta Metsola, il-President tal-parlament Ewropew, u lil Charles Michel, li jmexxi l-Kunsill Ewropew.

Din l-ittra waslet, ftit tal-ġimgħat wara li aktar minn mitt impjegat tal-UE mxew fi Brussell biex jipprotestaw kontra l-gwerra ta’ Iżrael f’Gaża. Huma kienu qalu li qed jngħaqdu flimkien sabiiex isostnu għal drittijiet, prinċipji u valuri li l-istituzzjonijiet Ewropej huma mibnija fuqhom.

Ekonomija

Sport