Għaddejjin il-preparamenti għall-Wirja tal-Biedja u s-Snajja’ 2026 fil-Villa Rundle, ir-Rabat, Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar il-preparamenti li għaddejjin bħalissa għall-Wirja tal-Biedja u s-Snajja’ 2026,  fil-Ġnien tal-Villa Rundle, fir-Rabat. Il-wirja li se tittella’ fl-14 u l-15 ta’ Awwissu hija parti mill-attivitajiet tradizzjonali ta’ Santa Marija. Matul iż-żjara, il-Ministru ngħata tagħrif dwar il-ħidma li għaddejja biex jitlestew l-ispazji, l-istands u ż-żoni differenti tal-wirja, filwaqt li ltaqa’ mal-ħaddiema u mal-organizzaturi involuti fit-tħejjijiet.

Il-Ministru Clint Camilleri rringrazzja lill-ħaddiema, lill-organizzaturi, lis-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali, lill-bdiewa, lir-raħħala, lill-artiġjani u lill-voluntiera kollha li qed jagħtu s-sehem tagħhom biex din il-wirja terġa’ tkun suċċess. Huwa stqarr, “Hekk kif żort il-preparamenti, ninsab sodisfatt bl-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti biex din il-wirja terġa’ tkun suċċess. Il-Wirja tal-Biedja u s-Snajja’ hija ħafna aktar minn attività tradizzjonali; hija vetrina tal-identità Għawdxija, tax-xogħol bla heda tal-bdiewa u r-raħħala tagħna, tal-ħila tal-artiġjani u tal-kwalità tal-prodott lokali. Billi nkomplu ninvestu f’dawn l-inizjattivi, inkunu qed insaħħu l-wirt kulturali u rurali tagħna u ngħadduh bi kburija lill-ġenerazzjonijiet futuri.”

L-istorja tal-Wirja tal-Biedja u s-Snajja’ tmur lura sal-1855, hija waħda mill-eqdem u mill-aktar attivitajiet kulturali stabbiliti f’Għawdex u tifforma parti importanti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Santa Marija. Matul is-snin il-wirja evolviet minn esibizzjoni agrikola għal ċelebrazzjoni sħiħa tal-ħajja rurali, tal-prodott lokali, tal-annimali, tas-snajja’ u tal-identità Għawdxija.

Il-programm tal-wirja se jinkludi wirjiet ta’ frott u ħaxix, tjur, fniek, annimali, makkinarju agrikolu u artiġjanat, flimkien ma’ attivitajiet għat-tfal, ikel tradizzjonali u divertiment folkloristiku.

Il-Ministru Camilleri temm billi stieden lill-familji Għawdxin u Maltin, kif ukoll lil dawk kollha li se jkunu qed iżuru lil Għawdex matul il-festa ta’ Santa Marija, biex jattendu għal din il-wirja u jingħaqdu fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li jagħmel lil Għawdex uniku.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport