Jgħid li ried ibeżża’ lill-Pulizija biex ma jidħlux f’daru

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil, bdew jinstemgħu l-provi fil-każ tar-raġel li qed ikun mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ uffiċjali tal-Pulizija f’San Ġiljan u li kkaġuna ħruq fir-residenza tiegħu stess. 

L-akkużat John Agius ta’ 74 sena, waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija, stqarr li huwa spara biex ibeżża’ lill-uffiċjali tal-pulizija u ma jħallihomx jidħlu fir-residenza tiegħu. Qal li dak il-ħin kien ippanikkjat u li lanqas jaf li ntlaqtu żewġ uffiċjali tal-pulizija. 

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Stephen Gulia, li ta rendikont estensiv tal-investigazzjoni li saret b’rabta ma’ dan l-inċident li seħħ fl-24 ta’ Lulju 2026. L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Gulia spjega li kien għall-ħabta tal-10.40 a.m. meta l-Pulizija kienu rċevew telefonata li f’Telgħet Birkirkara, San Ġiljan kien hemm ħruq li kien għaddej. 

L-uffiċjali marru fuq il-post u bdew l-istħarriġ preliminari tagħhom fejn irriżulta li bdew jitkellmu ma’ xi ħaddiema li kienu qed jagħmlu xi xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni. Ġew infurmati li l-imputat allegatament kien qed jheddidhom biex ma jkomplux bix-xogħlijiet li kienu qed jagħmlu. Ix-xogħol kien jikkonsisti f’kisi ma’ ħajt biswit ir-residenza tiegħu.

“Jekk se tkomplu, ħa nweġġgħu”

L-Ispettur Gulia qal li l-imputat beda jgħidilhom biex jieqfu mix-xogħlijiet. Min-naħa tagħhom, il-ħaddiema komplew bix-xogħlijiet u John Agius beda juża kliem “jekk se tkomplu, ħa nweġġgħu”.

Il-ħaddiema spjegaw lill-pulizija li Agius kien għadu kif allegatament qabbad il-bitħa ta’ taħthom b’konsegwenza li kien hemm ammont ta’ nar tielgħa lejhom. Dan tqabbad minn fjuwil li allegatament kien provdielu ħuh li joqgħod fl-istess triq. Intqal li l-ħaddiema kienu raw lil ħu l-imputat imur il-pompa u ġej lura b’landa li kien fiha l-fjuwil suspettat petrol.

Il-Pulizija kienu ġew murija wkoll filmat li ttieħed mill-ħaddiema stess. Dan il-filmat intwera wkoll fil-Qorti. L-Ispettur ikkonferma li ħadd ma weġġa’ mill-ħaddiema. 

Minn hemm, il-Pulizija tad-Distrett u tal-RIU kienu infurmati li John Agius kien għadu fir-residenza tiegħu u jista’ jkun armat. Dak il-ħin, minkejja li kien hemm uffiċjali tas-CPD fuq il-post ma setgħux jidħlu biex jitfu n-nirien għaliex kien hemm biża’ li l-imputat seta’ kien għadu ġewwa u armat. Għaldaqstant in-nar kompla għaddej.

Intwera wkoll filmat mill-bodycam tal-Kuntistabbli Omar Sharif li jinstema’ jgħid li jkun aħjar li jilbsu l-bulletproof vest. Il-Pulizija kienu f’sitwazzjoni li l-allegat kompliċi, ħu l-imputat, ma kinux jafu jekk jinstabx id-dar ukoll. 

Għall-ħabta tal-11.00 a.m., il-Pulizija kienu nnutaw persuna maskili ġej b’mutur u pparkja quddiem ir-residenza. Irriżulta li dan kien proprju ħu l-imputat u l-Kuntistabbli Omar Sharif kien infurmah li kien qed jiġi arrestat fuq allegat ħruq doluż.

Sadanittant waslu fuq il-post il-Pulizija tar-Reati Maġġuri sabiex jassistu lill-kollegi tagħhom. Saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ ħu l-imputat fejn ma nstab xejn irregolari. 

Il-Pulizija għal diversi drabi kienu ħabbtu u sejħu lil John Agius sabiex joħroġ mir-residenza tiegħu. Huma wżaw kliem bħal “tkabbarx l-affarijiet John”, “issa nitkellmu”. 

“Taħt arrest qiegħed John. Se tkabbarhom l-affarijiet”

F’wieħed mill-filmati li ntwera fil-Qorti, uffiċjal tal-Pulizija jinstema’ jgħid li kien lemaħ lill-imputat. Ipprovaw ukoll jiftħu l-bieb prinċipali imma jidher li kien infurzat b’stanga għaldaqstant ma setgħux jidħlu.

Il-Pulizija jinstemgħu jgħidu: “Iftaħ u oħroġ minn hemm”. “Taħt arrest qiegħed John. Se tkabbarhom l-affarijiet.” L-Ispettur Gulia kompla jgħid li għal diversi drabi, il-pulizija pprovaw jikkonvinċu lill-imputat biex jiftaħ imma huwa kien laħaq daħal fir-residenza.

Il-pulizija nnutaw ukoll li kien hemm bieb tal-ħadid li seta’ jagħti aċċess għal din ir-residenza. Dak il-ħin ġie deċiż biex jidħlu. Qabel ma daħlu, il-ħaddiema kienu infurmaw lill-Pulizija li mill-krejn fejn kienu, raw lill-imputat jidħol ġewwa aktarx biex iġib xi ħaġa. 

Waqt li kien deħlin fuq il-post, il-pulizija indunaw li John Agius kien qiegħed jistaħba fuq il-bejt u allegatament kellu wkoll senter. Qal li kien dak il-mument li allegatament ġie sparat tir fid-direzzjoni tal-pulizija u kien intlaqat PC Omar Sharif. 

Qal li fl-ebda mument l-imputat ma kien wissa lill-pulizija li kien armat jew li kien se jispara. Uffiċjal ieħor innota li l-imputat reġa’ kien ħareġ is-senter. Kien hawn fejn l-uffiċjal spara numru ta’ tiri mhux biex jolqot lill-imputat imma f’attentat biex Agius ma jkomplix jispara.

“Provajna diversi drabi nagħmlu kuntatt ma’ John Agius imma l-mobile tiegħu kien mitfi. Intuża wkoll megaphone u saru call outs sabiex l-imputat joħroġ u jikkopera mal-pulizija filwaqt li kien mgħarraf li l-post kien iċċirkondat. Minkejja dawn id-diversi tentattivi, l-imputat ma bediex jikkomunika mal-pulizija,” kompla jispjega l-Ispettur Gulia.

Fil-frattemp, ġiet ukoll imsejħa l-assistenza tal-Ispecial Intervention Unit u ttieħdet id-deċiżjoni li din is-sezzjoni speċjalizzata tidħol ġewwa. L-Ispettur Gulia qal li kien waqt li dawn l-uffiċjali kienu deħlin fir-residenza li ġie sparat it-tieni tir min-naħa tal-imputat, għall-ħabta ta’ 11.58 a.m.

“Ġiet milquta t-tarka u l-uffiċjal tal-Pulizija Johann Vella ntlaqat f’wiċċu biċ-ċomb tat-tir sparat. Vella nħareġ u beda jingħata l-għajnuna medika,” qal ix-xhud waqt li spjega kif it-tieni tir ġie sparat minn tieqa li kienet mgħottija b’tinda ħadra. 

Sadanittant, il-Pulizija komplew jagħtu diversi twissijiet verbali lil John Agius u anke jagħmlu kuntatt miegħu. “Sussegwentement konna tajna struzzjonijiet lil John Agius li jekk ried jikkopera mal-pulizija kellu jċaqlaq it-tinda li kien qed jistaħba warajha u jixgħel il-mobile,” kompla jgħid l-Ispettur. Qal li f’12.25 p.m., il-pulizija rnexxielha tagħmel kuntatt telefoniku miegħu u bdew in-negozjati miegħu. Permezz tan-negozjati li saru, Agius ikkopera mal-pulizija. 

Fis-1.03 p.m., il-pulizija ħarġu minn fuq il-post u ftit tal-minuti wara ħareġ John Agius mir-residenza li qal li ried jikkopera man-negozjaturi fuq il-post. Huwa mbagħad ġie infurmat li kien qed jiġi arrestat bl-attentat ta’ qtil fuq il-pulizija u ħruq doluż li kien sar fir-residenza tiegħu.

John Agius ġie eskortat minn Surġent u Kuntistabbli  fl-eqreb għassa, dik ta’ San Ġiljan. Wara ttieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjoni.

John Agius kellu sitt armi reġistrati fuqu

L-Ispettur Gulia qal ukoll li John Agius għandu sitt armi reġistrati fuqu – erba’ shotguns u żewġ revolvers. Fuq il-post instabu wkoll diversi munizzjon li kienu jaqblu wkoll ma’ dawk li ġew sparati – skrataċ li kienu ntużaw f’dan l-inċident, fejn kienu nstabu l-iskrataċ vojta li kienu ġew sparati.

John Agius kien infurma lill-pulizija li huwa ma riedx assistenza legali u ffirma dikjarazzjoni li juri dan. Minħabba l-fatt li kienu d-9.30 p.m., ġie deċiż li l-interrogazzjoni tittieħed l-għada, fil-25 ta’ Lulju.

L-ewwel li ġie mitkellem kien ħu l-imputat, li stqarr mal-pulizija li filgħodu huwa kien irċieva telefonata mingħand ħuh fejn kien talbu sabiex imur sa ħdejh. 

Qal li John kien talbu sabiex imur sal-pompa tal-fjuwil u jixtrilu gallun petrol. Qal li kien ħallihielu wara l-bieb u minn hemm reġa’ telaq u mar jagħmel il-qadi personali tiegħu.

Mistoqsi jekk qattx kellhom xi argumenti mal-ħaddiema, qal li kien ikollhom battibekki ħfief imma li dejjem kienu jiġu solvuti on the spot. 

L-Ispettur imbagħad xehed dwar l-interrogazzjoni li kienet saret lil John Agius. Qal li l-imputat kien stqarr mal-Pulizija li l-ħaddiema kienu avviċinawh sabiex jiksu l-parti tal-appoġġ iżda huwa ma riedx jagħtihom permess minħabba xi ħsarat li kien sofra fil-garaxx tiegħu, li kien biswit is-sit ta’ kostruzzjoni.

Sostna li biex jagħtihom permess, huma kellhom l-ewwel jikkumpensawh jew isewwulu l-ħsara fl-arkata tal-garaxx. Kompla jispjega li meta rahom jaħdmu nhar l-24 ta’ Lulju, qalilhom “jekk mhux se tieqfu se nweġġgħu”.

Qal li ċempel lil ħuh u rrikorra ħdejh u talbu sabiex imur jixtrilu gallun petrol. Meta mistoqsi jekk ħuh kienx jaf bl-idea li kienet ġietu dwar il-ħruq, huwa kkonferma li ħuh ma kien jaf b’xejn u din ikkorroborat il-verżjoni ta’ ħuh – li ma kienx jaf għalxiex kellu bżonnu.

L-imputat kien sab il-fjuwil wara l-bieb tar-residenza tiegħu. Kien mela flixkun tal-plastik taż-żewġ litri u ferrxu u għamel niċċa bil-fjuwil sabiex jaqbad in-nar. John spjega li kien qabbad in-nar għax “xeba’ f’din is-sitwazzjoni”.

Waqt l-interrogatorju, l-imputat qal li beda jaħseb li l-pulizija se jsawtuh. Qal li meta ra l-pulizija li pprovaw jidħlu fir-residenza tiegħu, ippożizzjona ruħu fuq il-bejt u fil-mument li daħlu, huwa beda jibża’ u ma ridhomx jidħlu. Għaldaqstant kien f’dak il-mument li spara l-ewwel tir.

“Ridt inbeżżagħhom biex ma jidħlux fir-residenza,” kien qal l-imputat mal-pulizija. Mistoqsi għalfejn ma sparax f’direzzjoni oħra, huwa stqarr li dak il-ħin kien ippanikkjat u lanqas kien jaf li laqat pulizija. Madanakollu, huwa kkonferma li pponta fid-direzzjoni tagħhom.

Meta reġa’ ra l-pulizija deħlin, l-imputat – li kien wara t-tieqa tal-kċina – qal li allegatament kien spara t-tieni tir. Huwa reġa’ qal li lanqas biss kien jaf li kien laqat lill-pulizija.

John Agius kompla jgħid li xegħel il-mobile biss wara li ġie sparat it-tieni tir u anke wara negozjati li kienu saru mal-uffiċjali.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Gulia kkonferma wkoll li fir-residenza tal-imputat kienu nstabu ammont madwar €51,800 fi flus kontanti. Dawn il-flus kienu merfgħuhin f’envelops għalihom u ġew preservati mill-pulizija.

Sadanittant, fis-seduta tal-lum xehdu wkoll it-tabib tal-emerġenza Dr Michael Spiteri kif ukoll l-Uffiċjal tal-Pulizija Omar Sharif li kien wieħed miż-żewġ uffiċjali tal-pulizija li ndarbu fl-isparatura.

Il-każ ikompli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport