Erba’ nisa żgħażagħ irrakkuntaw kif sfaw vittmi ta’ aggressjoni u fastidju sesswali f’kulleġġ tat-taħriġ tal-armata għall-adolexxenti. Waħda minn dawn in-nisa qalet li ġiet stuprata minn diversi suldati żgħażagħ sħabha waqt attakk li dam għaddej għal sigħat sħaħ.
Dawn in-nisa ilkoll attendew l-Army Foundation College (AFC) f’Harrogate, North Yorkshire, fir-Renju Unit matul l-aħħar ħames snin u jgħidu li l-inċidenti seħħew meta kellhom 17-il sena.
Skont dawn in-nisa – li tkellmu pubblikament għall-ewwel darba dwar dawn l-atti – fil-kulleġġ teżisti kultura perikoluża ta’ miżoġinija u vjolenza sesswali.
Ġe żvelat li l-Pulizija ta’ North Yorkshire irċeviet 16-il rapport dwar reati u abbużi sesswali marbuta mal-kulleġġ matul is-sena li ntemmet f’Ġnju, skont informazzjoni miksuba permezz ta’ talba mill-BBC għall-aċċess għall-informazzjoni pubblika.
Dawn ir-reati rrappurtati jinkludu allegazzjonijiet ta’ espożizzjoni indiċenti, u aggressjoni sesswali. Ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar jekk dawn il-każijiet wasslux għal xi passi dixxiplinarja jew prosekuzzjoni.
Skont dejta tal-Ministeru tad-Difiża (MoD), bejn Jannar tal-2018 u Ġnju tal-2025 saru total ta’ 176 ilment dwar imġiba sesswali mhux xierqa fil-kulleġġ. Tnejn u tletin mill-allegazzjonijiet kienu kontra membri tal-istaff permanenti u 144 kontra suldati żgħażagħ (junior soldiers).
Fi stqarrija, kelliem għall-Armata ddeskriva dawn ir-rapporti bħala “serji u ta’ natura li tikkawża tbatija kbira” u qal li mġiba inaċċettabbli u kriminali m’għandha assolutament l-ebda post fil-Forzi Armati.
“In-nies jissieħbu bit-tama li jkollhom karriera mill-aqwa u għalhekk rapporti bħal dawn huma inaċċettabbli u jmorru kompletament kontra l-valuri kollha li tħaddan l-Armata” qal il-kelliem tal-Armata.
L-AFC huwa l-akbar ċentru ta’ taħriġ militari fir-Renju Unit għal żgħażagħ taħt id-19-il sena u jilqa’ fih ir-rekluti kollha tal-Armata li għandhom 16-il sena. Bħalissa hemm 70 suldat mara żagħżugħa f’Harrogate minn total ta’ 889.


