Imniedi pjan għall-ħarsien tal-Park Marittimu ta’ Ċirkewwa

Qafas ġdid li jagħti bidu għall-protezzjoni u l-ħarsien tal-ewwel Park Marittimu ta’ Malta

Aqra wkoll

Tnieda uffiċjalment iċ-Ċirkewwa Marine Park Management Plan, li permezz tiegħu l-Park Marittimu mhux se jibqa’ biss rikonoxxut bil-liġi imma jkun protett u mħares b’mod attiv.

Il-pjan jidentifika l-ħabitats u l-ispeċi li jeħtieġu protezzjoni, il-pressjonijiet li qed jaffettwaw iż-żona u l-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati. Fost dawn hemm zoning, arranġamenti għall-irmiġġ, kodiċi ta’ kondotta, monitoraġġ u infurzar.

Il-pjan tnieda waqt attività organizzata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Ministeru għat-Turiżmu, iċ-Ċirkewwa Management Council, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Transport Malta u Nature Trust Malta.

Il-Ministri, uffiċjali u rappreżentanti tal-entitajiet involuti vvjaġġaw fuq bastiment tul il-kosta tat-Tramuntana ta’ Malta, fejn għaddew mill-Gżejjer ta’ San Pawl, li riċentement ġiet iddikjarata bħala Żona ta’ Protezzjoni Speċjali, u l-irdumijiet tal-madwar qabel waslu fil-Park Marittimu taċ-Ċirkewwa. Matul il-vjaġġ ġie enfasizzat il-valur ekoloġiku taż-żona u l-ħtieġa ta’ ħidma koordinata biex tibqa’ mħarsa għall-bijodiversità u l-użu rikreattiv.

“Il-protezzjoni ta’ żona marittima ma tistax tieqaf mat-tfassil ta’ konfini fuq mappa. Permezz ta’ dan il-pjan, il-protezzjoni qed tissarraf f’azzjoni, miżuri ċari, responsabbiltajiet definiti u monitoraġġ kontinwu. L-għan tagħna hu li nħarsu l-ambjent marittimu ta’ Ċirkewwa filwaqt li niżguraw li n-nies ikunu jistgħu jkomplu jgawduh b’mod responsabbli permezz tal-għadis, it-tbaħħir, is-sajd, ir-riċerka u t-turiżmu sostenibbli. Permezz tax-xjenza, l-kooperazzjoni u ħidma effettiva qed inkomplu nipproteġu l-wirt naturali tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“Il-Park Marittimu tac-Ċirkewwa huwa eżempju ċar ta’ kif nistgħu nsaħħu lil pajjiżna billi nipproteġu dak li jagħmilna uniċi. Il-baħar tagħna huwa wieħed mill-akbar assi ta’ Malta u għalhekk għandna d-dmir li nħarsuh b’mod responsabbli. Dan il-Pjan se jgħinna niżguraw li attivitajiet bħall-għadis, it-tbaħħir u t-turiżmu marittimu jkomplu jiżviluppaw b’mod sostenibbli, filwaqt li nippreservaw il-ġmiel naturali u l-bijodiversità tac-Ċirkewwa għall-ġenerazzjonijiet futuri. It-turiżmu u l-ħarsien tal-ambjent jistgħu jimxu id f’id biex noffru esperjenzi ta’ kwalità u nsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni sostenibbli,” qal il-Ministru Jo Etienne Abela.

“Wara t-twaqqif tal-Park Marittimu ta’ Ċirkewwa aktar kmieni din is-sena, it-tnedija ta’ dan il-Pjan timmarka pass importanti. Dan jibni fuq il-ħolqien tal-Park Marittimu u jittraduċih fi programm prattiku ta’ azzjoni, filwaqt li jipprovdi direzzjoni ċara għall-protezzjoni tal-ewwel Park Marittimu ta’ Malta u jappoġġja r-rikreazzjoni, ir-riċerka u t-turiżmu sostenibbli. Il-Pjan huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-ERA, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Transport Malta u Nature Trust Malta. Dik is-sħubija se tibqa’ essenzjali hekk kif nibdew inwettqu l-miżuri tiegħu u niksbu riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Kevin Mercieca.

“Il-Park Marittimu taċ-Ċirkewwa huwa ferm aktar minn sempliċiment żona marittima protetta; huwa jirrappreżenta approċċ innovattiv li jħares lejn il-futur fil-mod kif jiġi ġestit it-turiżmu, fejn wieħed jagħraf li l-ħarsien tal-ambjent naturali tagħna huwa intrinsikament marbut mal-kwalità tal-esperjenza tal-viżitatur. Permezz tal-integrazzjoni tal-konservazzjoni, ir-riċerka xjentifika, l-edukazzjoni u r-rikreazzjoni responsabbli, il-Park Marittimu jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex tiżgura li Malta tibqa’ waħda mill-aqwa destinazzjonijiet tal-għadis fil-Mediterran u waħda mill-aktar sostenibbli għal ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal Kevin Fsadni, Deputat Kap Eżekuttiv u Direttur tal-Iżvilupp tal-Prodott fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Huwa kompla jispjega li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bdiet taħdem fuq dan il-proġett diversi snin ilu, u llum b’sodisfazzjon qed jaraw din il-viżjoni ssir realtà. Qal li l-Park Marittimu mhux biss se jikkontribwixxi għall-ħarsien ta’ ekosistema marittima unika, iżda se jkompli jsaħħaħ ukoll il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ewlenija għat-turiżmu tal-għadis, filwaqt li joħloq benefiċċji fit-tul kemm għall-viżitaturi kif ukoll għall-komunitajiet lokali. Temm jgħid li dan l-iżvilupp importanti kien possibbli bis-saħħa tal-kollaborazzjoni b’saħħitha u l-impenn komuni bejn diversi entitajiet governattivi u partijiet interessati

F’termini prattiċi, il-pjan għandu l-għan li:

  • jipproteġi ħabitats importanti taħt il-baħar, b’mod partikolari l-Posidonia;
  • jappoġġja l-monitoraġġ xjentifiku tal-bijodiversità marittima;
  • jistabbilixxi żoni definiti b’mod ċar għal attivitajiet marittimi differenti;
  • jippromwovi kodiċi ta’ kondotta u gwida għal dawk li jagħmlu użu mis-sit;
  • jesplora arranġamenti aħjar għall-irmiġġ u l-possibbiltà li jiġu identifikati żoni fejn l-ankraġġ ma jkunx permess, sabiex jitħarsu l-ħabitats sensittivi f’qiegħ il-baħar;
  • isaħħaħ il-monitoraġġ u l-infurzar permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib u, fejn xieraq, sistemi ta’ monitoraġġ;
  • isaħħaħ is-sigurtà tal-għaddasa u l-livell ta’ tħejjija f’każ ta’ emerġenza;
  • jippromwovi inizjattivi edukattivi, tabelli ta’ informazzjoni u attivitajiet ta’ għarfien għall-iskejjel u għal dawk li jżuru s-sit; u
  • jesplora għodod diġitali biex iwassal aktar tagħrif u jqajjem kuxjenza, fosthom filmati diretti minn taħt il-baħar u esperjenzi ta’ realtà virtwali.

Il-pjan għandu l-għan li joħloq bilanċ bejn il-ħarsien tal-ambjent u l-użu rikreattiv u ekonomiku tas-sit, mingħajr ma jillimita l-aċċess. Permezz ta’ żoni definiti, monitoraġġ kontinwu u kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, in-nies se jkunu jistgħu jkomplu jgawdu dan il-post filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq il-ħabitats l-aktar sensittivi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport