Spiss jingħad li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Uħud jemmnu li wara t-telfa ta’ persuna, kollox jintemm sa ftit tax-xhur wara, iżda oħrajn jemmnu fl-imħabba li tibqa’ għal dejjem.
Każ partikolari huwa dak tat-tfajla Christa Formosa li sena wara l-oħra, bosta ħbieb jieqfu biex isellmu l-memorja tagħha u jfakkru dawk l-esperjenzi sbieħ li kellhom flimkien.
Fost il-messaġġi li tħallew fl-aħħar sigħat kien hemm dawk li qalu li sal-ġurnata tal-lum ma jistgħux jifhmu kif ħajjitha ntemmet ħesrem hekk. Ċertament ma setax jonqos li titfakkar it-tbissima simpatika tagħha u l-mod ta’ kif kienet tara kif tagħmel biex tferraħ lill-ħaddieħor. Oħrajn qalu li kieku jistgħu jagħmlu kollox biex jibdlu l-eżitu tal-lejl li fih seħħ l-inċident.
Christa Formosa tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ fl-10 ta’ Marzu tal-2018. Hija kienet iddaħħlet l-Isptar Mater Dei b’urġenza minħabba l-ġrieħi li sofriet, iżda sfortunatament kienet ċċertifikata mejta ftit tas-sigħat wara.