Jidħol fil-21 jum tiegħu l-ġuri ta’ Yorgen Fenech mixli bl-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia
Ilbieraħ kien il-21 jum tal-ġuri li fih Yorgen Fenech jinsab mixli bl-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Kif kien mistenni tkompli u ntemmet ix-xhieda ta’ Johann Cremona. F’ħinijiet minnhom kien hemm mumenti ta’ tensjoni fl-Awla tant li kellha tintervjeni l-Imħallef Edwina Grima wara li Cremona beda jagħmlu diversi akkużi fil-konfront tad-difiża.
Ix-xhud f’ħin minnhom qabad jgħajat fl-awra wara li ra lil Dr Charles Mercieca, f’isem id-Difiża, jlissen tbissima fl-awla. Minnufih ix-xhud ħareġ karta mill-but li turi chat bejn Dr Mercieca u Keith Schembri, li skont Cremona kien sar waqt li Mercieca kien qed jirrappreżenta lil Yorgen Fenech.
Cremona jgħid li f’din il-konverżazzjoni Mercieca bagħat selfie lil Schembri. L-Imħallef Edwina Grima tordna lil Cremona jbaxxi leħnu u twissih li jista’ jinstab f’disprezz lejn il-Qorti.
Cremona jgħid li, jekk il-Qorti trid tkun taf dwar Dr Charles Mercieca, għandha tistaqsih dwar laqgħa li allegatament hu u l-Avukat Gianluca Caruana Curran, kellhom ma’ Keith Schembri lejlet ix-xhieda tiegħu, fl-uffiċċju ta’ Schembri biswit l-Ambaxxata Torka fl-2020.
L-Imħallef Grima tistaqsi lil Cremona kif jaf li dan l-episodju seħħ, u Cremona jwieġeb li dan qallu bih Keith Schembri. Hu jżid li fir-ritratt jidher ukoll ċertu Rueben ta’ Fonzu u kien hawn li x-xhud beda jgħid, “għajjejt verament, farrkuni u kissruni.” L-Imħallef hawnhekk titlobu jispjega x’ġara.
Hawn jinħoloq kaos fl-awla wara li Dr Charles Mercieca jitlob biex jara l-karta li ppreżenta Cremona. Ix-xhud jerġa’ jisħaq li jinsab għajjien u li jħossu mkisser. F’dan il-ħin, l-Avukat Giannella De Marco għaddiet kumment indirizzat lil Cremona u tgħidlu “sirt isek Melvin”.
Il-Prosekuzzjoni tqum minn postha u tgħid li Rueben ta’ Fonzu kien imur iżur priġunier il-ħabs. L-Imħallef Grima tintervjeni u taqbad il-martell, li bih issabbat aktar minn darba biex issiket il-kamra. Hi ordnat li ssir investigazzjoni fuq dan li ppreżenta x-xhud, bil-provi jitressqu iżjed ‘il quddiem.
Intant hekk kif Cremona kompla bix-xhieda tiegħu, l-Avukat Giannella De Marco, f’isem id-Difiża, staqsiet lix-xhud jekk kienx jgħid lil Melvin Theuma li Keith Schembri kien wara Kenneth Camilleri, u jekk kienx jaf lil Camilleri.
Cremona jwieġeb li kien ilu snin ma jarah. De Marco tistaqsi jekk, meta kienx wassal lil Theuma n-naħa l-oħra ta’ Malta bil-karozza u jekk Keith Schembri kienx ċempillu biex jgħidlu li Camilleri kien ġej. B’ton jgħajjat, Cremona jwieġeb “Le, le, le.”
Johann Cremona jgħid li, f’ħin minnhom, erba’ persuni kienu qed jippruvaw jagħmlu kuntatt ma’ Yorgen Fenech. Jispjega li, peress li ħadd ma kien qed jirnexxilu jaqbdu, Keith Schembri spiċċa ċempillu biex jipprova jagħmel kuntatt miegħu filwaqt li Ray Aquilina, darba wkoll talablu n-numru ta’ Fenech. B’referenza għall-kontro-eżami tal-bieraħ, Cremona jgħid De Marco, “ilbieraħ għedtli li għandi qalb tad-deheb. X’ridtni nagħmel?”
Hawn fl-awla tqum kwistjoni taħraq bejn l-Avukat Giannella De Marco u x-xhud. Hawnhekk, ix-xhud jgħolli leħnu u jgħid, “int ippruvajt tpenġini li jien kontra Yorgen, meta mhux veru!”, u b’hekk tiżdied it-tensjoni fl-awla.
Il-Prosekuzzjoni tkompli semma’ recording ta’ konverżazzjoni bejn Johann Cremona u Melvin Theuma. Hawnhekk, De Marco tikkwota lil Cremona dwar meta kien qal li Keith Schembri allegatament bagħat lil Kenneth Camilleri għandu biex jikkalma lil Theuma.
Cremona jgħid ukoll li “huma nqdew bija”. Hu jikkonferma wkoll li qatt ma ta n-numru ta’ Melvin lil Kenneth, u lanqas in-numru ta’ Kenneth lil Melvin.
Cremona jispjega li waqt li darba fost l-oħrajn kien il-Belt Valletta, inzerta lil Theuma fejn qallu li ried ikellem lil Kenneth Camilleri. Jgħid li dak il-ħin, huwa ċempel lil Kenneth fejn dak iż-żmien kien qed jaħdem Kastilja, u ftit wara ltaqgħu biex jieħdu kafè u jitkellmu. Cremona jkompli jgħid li hekk kif mar iħallas, sema’ lil Melvin jirrabja u jsemmi xi kaxxa jew bagalja bil-flus.
Cremona jirrakkonta li Theuma kien jgħidlu li ma kienx jaf jekk kienx qed jintuża biss għall-flus. Jgħid li din il-kwistjoni kienet dejjem terġa’ toħroġ u li Theuma saħansitra kien beda jiddubita jekk kienux għamluha għalih jew għal raġunijiet oħra. Skont Cremona, Theuma kien semma li kien qed jiġi użat għall-flus u li nvolva wkoll persuni oħra f’dan id-diskors. Meta l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud kien staqsieh min, Cremona wieġeb li l-aħwa Degiorgio kienu wżaw lil Theuma għall-flus. L-Avukat De Marco tgħid li kieku vera ried isalva n-negozju tiegħu, Cremona ma kienx jipprova jdawwar is-sitwazzjoni kontra Fenech. Għal darb’oħra, Cremona jgħid “toqgħodx tpenġini ħażin lili! Tipprovax tpenġini ħażin ma’ Yorgen lili!”
De Marco tirrimarka li Cremona kien imqabbad biex jikkalma lil Theuma u hawn issir referenza għal recording ieħor. Hi tistaqsi lil Cremona dwar il-laqgħa tiegħu ma’ Keith Schembri, u jekk kienx mar għandu wara li Schembri stess ċempillu. Tistaqsih ukoll jekk Schembri offrilux espresso u jekk tkellmux dwar in-negozju jew dwar Yorgen Fenech, bi Cremona jwieġeb li d-diskors kien fuq xi lottu. Meta De Marco tfakkru li hu kien qal li tkellmu dwar in-negozju u jekk Schembri kienx staqsieh kemm ilu ma jara lil Yorgen, Cremona jgħid li wara reġa’ mar Kastilja u li Schembri kienbagħatlu diversi drabi.
Cremona jgħid li fl-ewwel tliet darbiet li kien mar id-Depot tal-Pulizija kien qal li ma kien jaf xejn. Jispjega li kien ħa l-parir ta’ avukat, iżda fl-istess żmien bdew joħorġu recordings oħra li, skontu, “bdew ifaqqsu u dejjem jiżdiedu”. Jgħid li l-aħħar darba li xehed kien hemm biss sitt recordings, u li hu ma xtaqx jixhed. Cremona jenfasizza ukoll li l-problema mhux li kellimtu jien lil Keith Schembri, iżda li min xorta kellmu minkejja ordni tal-Qorti biex ma jsirx dan.
Intant, wara li temm ix-xhieda tiegħu Cremona tela’ jixhed Silvio Chetcuti. Hu ppreżentat dokument mit-2 ta’ Settembru tal-2019 li jirreferi għal applikazzjoni ta’ Melvin Theuma għal self mill-bank ta’ somma ta’ €100,000.
Fid-dokument jingħad li l-bank kien infurmah li ma kienx f’pożizzjoni li japprova dan is-self, b’Chetcuti jikkonferma li l-applikazzjoni għal dan is-self kienet ġiet irrifjutata.
Xhud ieħor fis-seduta tal-bieraħ kien Kenneth Camilleri. L-Avukat Godwin Cini li qed imexxi l-Prosekuzzjoni jistaqsi jekk sas-sajf tal-2018, kienx jaf lil Johann Cremona. Camilleri jgħid li kien jaf lil Cremona sempliċiment minn missieru għaliex huwa kien membru fil-Korp tal-Pulizija mill-1994. Jgħid ukoll li missier Cremona kien magħruf bħala “s-Sigarr”.
Jissemma wkoll isem Melvin Theuma, iżda meta mistoqsi jekk kienx jafu, Camilleri jwieġeb li qas biss kien jaf min hu. Hawnhekk terġa’ ssir referenza għat-telefonata li saret minn Keith Schembri fejn qallu “ċempel lit-tifel tas-Sigarr biex jgħaddi għalik, ħalli tmorru tikkalmaw lil xi ħadd”. Camilleri jgħid li Schembri fl-ebda mument ma qallu lil min se jikkalmaw u għaliex. L-Avukat Cini jistaqsi għaliex kellu jkun hemm ukoll Johann Cremona, bix-xhud iwieġeb “ma nafx, staqsu lilu”.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Godwin Cini, Anthony Vella, u Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Id-Difiża qed titmexxa mill-Avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Gianella De Marco. Dan filwaqt li f’isem il-Parte Ċivile hemm l-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi, li qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.
Il-ġuri mistenni li jkompli llum.
