Monday, April 29, 2024

GĦAJNUNA AKBAR FIL-QASAM TAL-IVF

Aqra wkoll

Minn kemm ilu li ġie regolat is-settur tal-Prokreazzjoni Assistita, magħruf bħala IVF, mill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun jirriżulta li mill-2013 sal-lum ġew imwielda aktar minn 600 tarbija filwaqt li fil-preżent hemm 50 omm li qed jistennew li jwelldu 55 tarbija oħra, fosthom tewmin.

Bla dubju ta’ xejn, dawn it-twelidijiet ifissru ħafna lil tant u tant koppji li forsi ma kellhomx tama li xi darba jistgħu huma wkoll isiru ġenituri. Dan l-istess proċess tal-IVF jirrifletti wkoll l-avvanzi kbar li għamlet ix-xjenza medika li b’xorti tajba għal pajjiżna qed induqu l-frott tagħha.

Konxji tal-ħafna sagrifiċċji li jkollhom jgħaddu minnhom il-ġenituri prospettivi li jagħmlu l-IVF, il-Gvern Laburista sa mill-2015 beda joffri s-servizz b’xejn mill-Isptar Mater Dei. Dawn is-servizzi komplew jespandu bl-emendi fil-liġi li daħlu fis-seħħ fl-2018 u fl-2022.

Barra minn hekk, sal-aħħar ta’ Marzu li għadda, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun approvat ‘il fuq minn miljun u għoxrin elf ewro li ngħataw lill-ġenituri prospettivi bħala rifużjoni tal-flus li nefqu fil-mediċini.

F’dan ir-rigward, b’sodisfazzjon ninnutaw l-aħbar li ġiet estiża l-iskema ta’ rifużjoni fuq il-mediċini tal-IVF kif ukoll lil ġenitur prospettiv li għamel IUI, IVF jew Embryo transfer fi kliniċi privati sa mill-1 ta’ Jannar 2023.

B’dawn il-miżuri kollha flimkien ma’ oħrajn li diġà ttieħdu, nemmnu li l-koppji li jagħżlu l-proċess tal-IVF issa għandhom aktar serħan il-moħħ kemm mill-aspett mediku kif ukoll mil-lat finanzjarju.

Huwa dan ukoll prova oħra li l-Gvern lest li jkompli jgħin billi jressaq lejn pajjiżna kwalunkwe teknoloġija moderna u avvanzata li tkun skoperta u li minnha jkun jista’ jgawdi min jiġi bżonnha.

Ma ninsewx li sa ftit snin ilu, it-twelid ta’ trabi permezz tal-prokreazzjoni assistita kien tabu u kienet kważi dagħwa li ssemmiha. Illum, il-poplu huwa ferm aktar matur u lest jifhem u jaċċetta r-riformi kbar li twettqu f’dawn l-aħħar snin fil-qasam mediku, li ħadd ma jista’ jiċħad, li kienu ta’ benefiċċju għas-soċjetà inġenerali. It-trattament bl-IVF kien wieħed minn dawn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport