Monday, April 29, 2024

68% TAL-MALTIN INTERESSATI LI JIVVUTAW FL-ELEZZJONI TAL-PE

Stħarriġ tal-Ewrobarometru

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 68 fil-mija tal-Maltin huma interessati li jivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li f’pajjiżna se ssir nhar it-8 ta’ Ġunju li ġej. Dan huwa 8% aktar mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kollha flimkien. Hemm ukoll it-tendenza li f’Malta 28% mhumiex interessati f’din l-elezzjoni filwaqt li dan l-ammont jitla’ għal 40% fost is-27 pajjiż membru tal-UE.

Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fi Frar li għadda fost 506 persuni minn 15-il sena ‘l fuq, bil-għan li juru x-xejriet għal dawn l-elezzjonijiet. L-akbar għadd ta’ nies li mistennija huma dawk li għandhom minn 55 sena ‘l fuq, bl-inqas ikunu dawk fl-età ta’ bejn 15 u l-24 sena.

Dwar il-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej, 53% tal-Maltin jgħidu li huwa importanti li wieħed joħroġ jivvota, mentri 29% jagħtu importanza medja lil dawn l-istess elezzjonijiet.

Mistoqija dwar x’interess ikollhom f’elezzjoni nazzjonali, 70% tal-Maltin jagħtu importanza kbira lil dawn l-elezzjonijiet. Minkejja li 68% urew l-interess tagħhom li jivvutaw hemm il-probabiltà li dan il-persentaġġ jiżdied għal 72%. Dan ifisser li probabbilment aktar Maltin qed juru interess fl-elezzjonijiet Ewropej.

Fost is-suġġetti li l-Maltin jixtiequ jkunu diskussi waqt il-kampanja elettorali, il-Maltin ipoġġu bħala prijorità l-migrazzjoni u l-ażil, is-saħħa pubblika u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Il-Maltin jemmnu li l-valur li l-PE għandu jiddefendi fil-ħames snin li ġejjin huma l-paċi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE u madwar id-dinja u l-osservanza tal-liġi.

Fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin, l-istħarriġ wera li 88% tal-Maltin jgħidu li l-votazzjoni hi importanti biex id-demokrazija tibqa’ b’saħħitha. Filwaqt li 86% jagħtu t-tieni prijorità li jiġi żgurat futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Dwar ir-raġunijiet għalfejn ma vvutawx f’xi elezzjoni jew referendum f’dawn l-aħħar ħames snin, 50% ta’ dawk li ma vvutawx qalu li għamlu hekk għal raġunijiet prattiċi jew personali. Intant, 71% tal-Maltin jixtiequ jaraw lill-Parlament Ewropew ikollu rwol aktar importanti.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport