Żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena li jkunu qed jidħlu għall-ewwel darba fid-dinja tan-negozju se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja għall-miżati relatati mat-twaqqif u ż-żamma tal-kumpanija, kif ukoll minn rifużjoni tal-ispejjeż legali marbuta mal-inkorporazzjoni tagħha.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija, Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri fejn spjega li l-inizjattiva implimentata mill-Malta Business Registry (MBR) u Malta Enterprise, hija wegħda elettorali tal-Gvern li qed tiġi mwettqa. Permezz ta’ din l-inizjattiva l-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ u jnaqqas l-ostakli li jistgħu jżommu żgħażagħ milli jwettqu l-ideat u l-proġetti kummerċjali tagħhom.
“Hemm entużjażmu b’saħħtu fost iż-żgħażagħ, li bħala Gvern kommessi li nagħtu l-għodod meħtieġa biex nibnu ekosistema b’saħħitha. Bdejna b’Intrapriża 16 u qed inkomplu b’din l-inizjattiva ta’ assistenza finanzjarja. Lil hinn minn dan, fiċ-ċentru ta’ kollox hemm l-edukazzjoni u għalhekk dawn iż-żgħażagħ se jkunu qed jattendu għal lezzjonijiet biex jifhmu r-responsabbiltà u dak li jġib miegħu tħaddim u operat ta’ negozju” qal il-Ministru Schembri.
Il-mekkaniżmu ta’ għajnuna se jkun ibbażat fuq sistema ta’ rifużjoni amministrata b’mod konġunt mill-MBR u Malta Enterprise. Il-kumpanija tħallas il-miżati dovuti lill-MBR u mbagħad tkun tista’ tapplika ma’ Malta Enterprise għar-rifużjoni fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni tal-inkorporazzjoni jew tar-ritorn annwali.
Min-naħa tal-MBR saru l-aġġustamenti meħtieġa sabiex kumpaniji ta’ dawn it-tip ikunu kklassifikati bħala Start-Up Youths. Dan jagħmilha aktar faċli sabiex kumpanija start-up tkun tista’ tapplika għal rifużjoni mingħand Malta Enterprise fl-ewwel 6 xhur, li se tkopri l-ispejjeż ta’ miżati marbuta mal-inkorporazzjoni u tad-dħul annwali għal 5 snin.
Barra minn dan, se tkun qed tingħata għajnuna finanzjarja li tkopri l-ispejjeż marbuta mal-assistenza legali, dawk assoċjati mat-twaqqif u l-inkorporazzjoni tal-kumpanija. Din tingħata fl-ewwel sena li tiġi mwaqqfa l-kumpanija u magħha se tingħata r-rifużjoni tal-miżata tal-inkorporazzjoni.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-MBR u Malta Enterprise qed ikomplu jsaħħu l-ekosistema ta’ appoġġ għall-intraprendituri żgħażagħ, filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż inizjali u jipprovdu għodod konkreti lil dawk li jkunu qed jieħdu l-ewwel passi tagħhom fid-dinja tan-negozju.
“Il-viżjoni tagħna hija ċara – irridu li Malta tkompli tkun id-destinazzjoni ideali għal startups u imprendituri. Billi kontinwament nirfinaw l-istrutturi ta’ appoġġ tagħna u nattiraw negozji internazzjonali, irridu nkomplu nibnu t-triq għal tkabbir ekonomiku fit-tul,” qal il-Ministru Schembri.
Intant, waqt diskussjoni bil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ il-Kapijiet Eżekuttivi tal-Malta Business Registry u l-Malta Enterprise, Dr Geraldine Spiteri Lucas u George Gregory rispettivament, sostnew l-appoġġ tagħhom tal-entitajiet lejn żgħażagħ li jixtiequ jimirħu fid-dinja tan-negozju.

