Fl-aħħar xhur u ġimgħat mingħajr ħafna daqq ta’ trombi kienu qegħdin jinħmew pjani fl-Unjoni Ewropea dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet fejn tidħol il-politika barranija. Prattikament, dan hu moviment immexxi minn Franza u mill-Ġermanja. Il-movimenti huma dawk biex ikun hemm diskussjoni bilgħan li jinbidel il-mod kif jittieħdu ċerti deċiżjonijiet dwar il-politika barranija, b’mod partikolari billi jitnaqqas jew jiġi eliminat il-prinċipju tal-unanimità u tintuża aktar il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata.
Dan ikun ifisser li pajjiż wieħed ma jkunx jista’ waħdu jimblokka deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea dwar ċerti kwistjonijiet ta’ politika barranija.
Dak li jridu il-Ġermanja u Franza qiegħed ikun appoġġjat minn xejn inqas minn 9 pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma Spanja, l-Olanda, il-Belġju, id-Danimarka, l-Iżvezja, il-Finlandja, l-Awstrija, il-Lussemburgu u r-Rumanija. Il-messaġġ ta’ dawn il-pajjiżi hu ċar: il-veto ta’ pajjiż wieħed jista’ jipparalizza l-politika barranija kollha tal-Unjoni Ewropea, u jridu jesploraw kif jista’ jintuża l-vot ta’ maġġoranza kwalifikata. Dan flimkien ma’ l-argument li l-politika barranija tal-Unjoni Ewropea hi dgħajfa, bis-swaba jippuntaw għad-dewmien biex jittieħdu d-deċiżjonijiet.
U waqt li għaddejjin dawn il-pjani u movimenti dwar il-politika barranija, fuq sfont ieħor għandek il-Ġermanja li qiegħda terġa’ tibni mill-ġdid u ssaħħaħ il-kapaċità militari tagħha. Illum il-Ġermaja qiegħda żżid ħafna l-infiq fuq id-difiża. Il-pjanijiet għas-sena 2026 jipprevedu madwar €82.7 biljun għad-difiża. L-infiq relatat man-NATO hu ppjanat li jilħaq 3.5 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross sas-sena 2029. Ma’ dawn il-Ġermanja qiegħda żżid is-suldati u l-produzzjoni tal-armi, inkluż biex tkun tista’ tforni lill-Ġermanja nnifisha u lill-alleati tagħha. Qiegħda tkompli tagħti armi u flus lill-Ukrajna u l-gvern Ġermaniż għadu kif iddikjara li se jkompli jagħmel dan. Il-Ġermanja qed tagħti wkoll importanza kbira lill-NATO fil-Lvant, u qed iżżomm brigata Ġermaniża permanenti fil-Litwanja.
L-argument tal-Ġermanja hu li dan qed isir bħala deterrent, ovvjament għar-Russja. U proprju fl-aħħar jiem, smajna b’dikjarazzjoni ġdida mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO Mark Rutte. F’Berlin hu qal li l-aggressjoni u s-sabotaġġi Russi qed isaħħu d-determinazzjoni Ewropea biex iżżid id-difiża.
Dawn kollha huma azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jistgħu iżidu il-kunflitt u l-esklazzjoni tat-tensjoni li diġa teżisti. Għalhekk il-proposta li l-Ġermanja u Franza li d-deċiżjonijiet ma jittieħdux b’unanimità hi perikoluża għall-aħħar. L-iskuża li qegħdin iġibu hi dik li hemm bżonn li f’ċerti każi l-Unjoni Ewropea taġixxi malajr. Fuq in-naħa l-oħra hemm imma in-newtralità u s-sovranità tal-popli. Hemm pajjiżi li jridu jżommu l-unanimità fuq kwistjonijiet ewlenin tal-politika barranija, speċjalment minħabba l-politika ta’ newtralità militari. Dawn huma pajjiżi li ma jridux li jiġu mkaxkra f’kunflitti ta’ ħaddieħor.
Is-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea bħalissa hi dik li f’ħafna oqsma tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, l-Istati Membri jridu jaqblu kollha. Dan jagħti lil kull pajjiż, anke wieħed żgħir, il-possibbiltà li jimblokka deċiżjoni.
Franza u l-Ġermanja ilhom jargumentaw li l-Unjoni Ewropea għandha tkun kapaċi taġixxi aktar malajr u b’aktar unità fuq kwistjonijiet internazzjonali. Huma jridu li f’ċerti oqsma jintuża maġġoranza kwalifikata minflok l-unanimità.
Dan ma jfissirx li kull deċiżjoni dwar il-politika barranija ssir awtomatikament b’vot ta’ maġġoranza. L-idea hija li dan ikun limitat għal ċerti każijiet. Iridu dan, skont huma għax b’hekk l-UE tkun aktar effettiva. Jekk hemm kriżi internazzjonali, l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tieħu pożizzjoni aktar malajr. Iridu dan ukoll biex pajjiż wieħed ma jkunx jista’ jimblokka lill-oħrajn
u dan huwa wieħed mill-akbar argumenti favur ir-riforma. Franza u l-Ġermanja qegħdin jargumaentaw li Unjoni Ewropea ta’ kważi 450 miljun persuna għandha tkun kapaċi taġixxi bħala attur ġeopolitiku aktar b’saħħtu.
M’hemm ebda dubju li dak li qed jiġi imbuttat, hi aġenda ta’ dawn il-pajjiżi kbar. Żgur li mhix l-aġenda ta’ pajjiżi żgħar li jħaddnu n-newtralità bħal Irlanda u Malta. Jekk hemm 11-li huma favur, hemm 11-il pajjiż li ieħor li huma kawti u dawn huma l-Irlanda, il-Portugal, l-Italja, is-Slovenja il-Kroazja, il-Greċja, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Repubblika Ċeka u l-Bulgarija. Il-pajjiżi kontra huma l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Awstrija u Malta.
Nemmnu fermament li dak li qed jiġi imbuttat ‘lquddiem mill-Ġermanja u Franza ma jgħoddx għal Malta. Pajjiżna dejjem semma leħnu u wera nuqqas ta’ qbil u anke kien iebes bħal fil-famuża konferenza ta’ Helsinki. Malta u l-pajjiżi l-oħra Ewropea m’għandhomx jidħlu f’kunflitti ma’ pajjiżi oħra sempliċiment għax ħaddieħor għandu dik l-aġenda. Fuq kollox l-Unjoni Ewropea twaqqfet fuq is-solidarjetà u biex ma jkunx hemm gwerer fl-Ewropa. Dak li qiegħed isir u jiġi imbuttat illum, jistona bil-kbir mal-viżjoni tal-bidu tal-istess Unjoni Ewropea.
Hu importanti ħafna li fil-pajjiżi li huma kontra issir diskussjoni kontra dawn il-pjani li qegħdin jiġu imbuttati. Is-sovranità nazzjonali tal-pajjiżi trid tiġi mħarsa fejn kull Stat għandu jkollu d-dritt jiddeċiedi dwar kwistjonijiet sensittivi ta’ politika barranija.

