Tuesday, December 24, 2024

GĦAJNUNIET TAL-ISTAT

Aqra wkoll

L-enfasi li tpoġġi l-Unjoni Ewropea kontra l-għajnuniet tal-istat għax tqishom mezz li jimmina l-kompetizzjoni fis-swieq baqa’ qawwi. Madankollu, l-Unjoni qalgħet taptipa mil-liġi ta’ ħarsien mit-tisħin tal-klima li l-amministrazzjoni Biden għaddiet mill-Kungress Amerikan.

Imsemmija l-Inflation Reduction Act, il-liġi tipprovdi għal għajnuniet kbar tal-istat għad-ditti Amerikani li jinvestu qatigħ biex jirreżistu t-tisħin tal-klima. Qed tagħmel dan biss għal ditti Amerikani bl-esklużjoni ta’ kumpaniji barranin, barra tal-Kanada.

Meta l-Ewropej ipprotestaw kontra li qed jiġri, fir-realtà t-tweġiba Amerikana kienet: “ma’ tagħkom agħmlu bħalma qed nagħmlu aħna ma tagħna. Ħadd mhu jżommkom”.

Bil-makkinarju li bnew matul is-snin ħalli jissorvelja u jneħħi l-għajnuniet tal-istat, mhijiex daqshekk ħaġa faċli għall-Unjoni Ewropea li tibdel ir-rotta. Imma investituri Ewropej diġà qed jaħsbu biex imorrru jinvestu fl-Istati Uniti għax qed jibżgħu li s-swieq ta’ hemm se jinbelgħu minn ditti Amerikani mwieżna bl-għajnuniet tal-gvern.

DISTURBI

Mhux f’Malta biss tiġri: Rue des Halles, Strasburgu, triq li tressqek lejn ċentru kummmerċjali u minnufih wara c-ċentru tal-belt. Il-bankina fuq naħa waħda issa ilha x-xhur magħluqa biex il-bini tal-ġenb jitwaqqa’ u jiġi rranġat. Ix-xogħol li għal jiem sħaħ jibqa’ wieqaf bla ma jsir xejn, qed imexxuh il-kuntratturi kbar Bouygues.

U dawk li jersqu lejn it-triq bil-mixi jkollhom jaqsmu għan-naħa l-oħra, jew jimxu ma’ strixxa f’nofs it-triq imfassla għaċ-ċiklisti.

Dejjem rajt dil-ħaġa — kull fejn tiġri — bħala abbuż. L-użu ta’ triq u ta’ bankina hu użufrutt publiku — hu parti mill-ġid li jappartjeni lil kulħadd. Meta jiċċaħħad, is-soċjetà u ċ-ċittadini qed isofru danni. Dan jista’ jiġi ġustifikat meta jiġri għal xi proġetti siewi ta’ benefiċċju privat jew publiku. Imma jrid isir b’impenn li b’mod tassattiv, jorbot it-tmiem tal-proġett ma’ żmien raġonevoli.

IL-MEDITERRAN

Id-diskors politiku-strateġiku dwar il-Mediterran sar jintrabat l-aktar mal-problema tal-immigrazzjoni. Il-mod kif il-Mediterran kellu jsir żona magħquda li ġġib flimkien l-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Nofshani illum jissemma biss bħala ġakulatorja ta’ rutina, bla tifsira. L-iżvilupp ta’ qrubija ġdida u qawwija bejn il-Lvant u l-Punent tal-Mediterran tilef kull rankatura, jekk qatt kellu.

Hawn min jgħid li dan ġara għax l-Ewropa ppreferiet tehda bl-inizjattivi ta’ għaqda “tagħha” mill-punent saċ-ċentru tal-kontinent; għax il-kriżi tal-2008-2012 neħħiet kull interess fi proġetti politiċi li m’għandhomx x’jaqsmu magħha; għax l-Eġittu daħal fi kriżi u staġna; għax il-Libja kkollassat; għax il-kawża Palestinjana ġiet imminata minn ġewwa u minn barra…

Forsi dawn kollha u aktar jaħtu għal-istaġnar f’kull sforz biex jinżamm ħaj l-ideal ta’ identità politika għall-Mediterran.

Ekonomija

Sport