Monday, July 15, 2024

GĦALIEX GĦANDNA 31 FIL-MIJA LI JĦOSSU LI L-ĠUDIKATURA MHIX INDIPENDENTI

Aqra wkoll

Dwar il-ġudikatura f’Malta nisimgħu dikjarazzjonijiet minn żmien għal żmien. Ma tonqosx il-kritika. Ma jonqosx it-tgergir. Fost dawn hemm id-dewmien. Imma ma’ dan hemm punt ieħor, dan hu dak ta’ x’fiduċja għandhom in-nies fil-Qrati tagħna, fil-ġudikatura. Kemm jemmnu li huma indipendenti?

Jekk nieħdu statistika li inħarġet fl-aħħar jiem mill-Eurostat naraw li għandna 64 fil-mija li jemmnu li kemm il-ġudikatura u kemm il-qrati f’Malta huma indipendenti. Dan ifisser li r-rata ta’ kemm il-poplu emmen li għandha qrati indipendenti hu akbar mill-medja fl-Unjoni Ewropea.

Minkejja dan imma għandna persentaġġ ta’ nies li mhux żgħir li jemmnu li l-Qrati tagħna u l-ġudikaturi mhumiex indipendenti. Filfatt għandna 20 fil-mija li jaraw li hemm nuqqasijiet fejn tidħol l-indipendenza tal-ġudikatura u 11 fil-mija nuqqasijiet kbar. Qegħdin nitkellmu fuq 31 fil-mija.

Hu ta’ tħassib li għandna dan l-ammont. U għal dan hemm raġunijiet kulħadd bir-raġunijiet tiegħu. Wara kull wieħed minn dawk li jemmnu hekk hemm storja. Storja wisq probabbli ta’ diżappunt. Storja ta’ dewmien. Storja fejn ġustizzja magħhom ma saritx.

U f’dan pajjiżna nibqgħu b’ministru wara ministru jitkellmu u jparlaw fuq il-ġudikatura, imma d-domanda li nagħmlu hi x’qed isir fir-realtà biex ikollna ġudikatura li verament in-nies ikunu jemmnu fiha. Qegħdin nitkellmu fuq ġudikatura li tara li l-ġustizzja għandha ssir fil-ħin.

Ma nistgħux ninsew li jekk wieħed jara l-iscoreboard dwar il-ġustizzja li ġie ppubblikat ftit jiem ilu isib li Malta hi wieħed mill-aktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li jonfoq fuq il-ġudikatura anke bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross. Nistaqsu allura għaliex nonfqu tant imma imbagħad għandna persentaġġi mhux żgħar ta’ nies li jħossu li l-Qrati mhux indipendenti.

Joħroġ ukoll fatt ieħor u dan hu dak li ras għal ras, Malta għandha fost l-inqas ġudikanti biex iservu. Wieħed jista’ jifhem li dan iwassal għal dewmien.
Jekk niflu ftit is-sistema ġudizzjarja naraw li sa l-aħħar tas-sena 2022 l-għadd ta’ kumpilazzjonijiet pendenti kienu aktar minn 3,000. Xi wħud minnhom imorru lura għal ammont ta’ snin.

Infakkru ukoll li bil-għan li jitjiebu ir-riżultati, kienu saru bosta emendi fil-Kodiċi Kriminali biex is-sistema tal-kumpilazzjoni tkun waħda li tlaħħaq mal-ħtiġijiet li kienu qegħdin ifeġġu minn żmien għal żmien u b’mod partikolari sabiex il-proċedura tiġi protetta milli tikkollassa taħt il-pressjoni taż-żieda fl-għadd ta’ każijiet.

Minkejja dan it-tibdil iżda, xorta waħda din il-proċedura, fil-forma ta’ kif inhi bħalissa, baqgħet identifikata bħala wieħed mill-fatturi li qed jikkontribwixxi għad-dewmien fis-smigħ tal-kawżi. Kien għal din ir-raġuni li l-Gvern kien nieda riforma ġdida fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji bil-għan li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja titjieb u titbiegħed mill-periklu tal-istaġnar.

Ovvjament lilhinn minn dan nemmnu li s-sistema tal-ġudikatura għandha tkun trattata b’mod sħiħ. Inutli taqbad biċċa biss u ma tħarisx lejn is-sistema b’mod sħiħ.

Id-domanda li nagħmlu u li tirrifletti dak li qegħdin jgħidu din is-sezzjoni ta’ persuni hi, meta se naraw li jkollna qrati aktar effiċjenti. Meta se naraw qrati u ġudikatura fejn in-nies iħossuhom aktar komdi fiha u li jkollhom fiduċja fiha.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport