Saturday, July 20, 2024

Euro 2024:  Francesco Conceicao l-eroj tal-Portugall b’goal fil-ħin miżjud

Aqra wkoll

PORTUGALL…………….. 2

REPUBBLIKA ĊEKA……. 1

F’partita li ma laħqitx l-aspetattivi mixtieqa, il- Portugall għelbu lir-Repubblika Ċeka bl-iskor ta’ 2-1 liema goal tar-rebħa wasal fil-ħin miżjud.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fis-seba’ minuta meta Rafael Leao xeħet cross lejn Cristiano Ronaldo li kien ġej bil-ġirja iżda ma laqatx tajjeb il-ballun.

Forsi dan l-attakk ta indikazzjoni li l-partita kienet se tkun waħda missielta iżda ċ-Ċeki għażlu li jin­għalqu fil-qoxra difensiva u japplikaw it-tattika ta’ konteniment filwaqt li jo­peraw bil-kontrattakki.

Fl-20 minuta, il-Portugiżi resqu viċin meta Diogo Dalot xeħet cross insidjuż fejn Ronaldo ma rnexxielux jagħmel kuntatt mal-ballun iżda daħal Bruno Fernandes u d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiex imxellfa f’corner.

Fit-23 minuta, Ruben Diaz avvanza bil-ballun u pe­ress li kellu l-ispazju neċessarju għażel li jixxuttja minn barra l-kaxxa liema tentattiv ġie mdawwar f’corner.

Fil-25 minuta, waslet l-aħjar azzjoni tal-Portugall meta Fernandes ħarab fuq il-faxxa leminija u xeħet cross fil-baxx fejn Leao kien ġej bil-ġirja iżda ma laqatx il-ballun bi ftit millimetri biex naqas milli jixħet il- ballun fix-xibka.

Peró, fit-32 minuta Ro­nal­do seta’ fetaħ l-iskor me­ta ġie żmarkat minn Fer­nandes iżda waħdu qud­diem Jindrich Stanek ra lill-goalkeeper Ċek jilqa’ t-tentattiv tiegħu.

Minuta qabel tmiem l- ewwel taqsima, Stanek wettaq save kbir fuq Ronaldo li rċeiva mingħand Leao minn azzjoni ta’ corner.

It-tieni taqsima fetħet b’at­takk taċ-Ċeki li fih Patrik Schick falla l-mira biex sa dak il-ħin kienu għadhom ma nkwadrawx il-lasti avversarji.

Fil-56 minuta, Ronaldo kien għoddu fetaħ l-iskor mill-cross ta’ Ruben Dias iżda ġie antiċipat fil-ħin minn Tomas Soucek.

Tliet minuti wara, Stanek laqa’ l-free-kick b’saħħtu iżda ċentrali mogħti minn Ronaldo.

U proprju fl-ewwel xutt lejn il-lasti, li wasal fit-62 minuta, iċ-Ċeki fetħu l-is­kor b’xutt ta’ Lukas Pro­vod minn tarf il-kax­xa wara żball fid-difiża Portugiża.

Peró, tmien minuti wara, il-Portugall kisbu d-draw meta mill-cross ta’ Diogo Jota, Nuno Mendes xeħet bir-ras lejn il-lasti fejn Stanek laqa’ parzjalment iżda l-ballun ħabat mad-di­fensur, Robin Hranac, u spiċċa fix-xibka.

Fis-86 minuta, il-Portugiżi ħasbu li skorjaw il-goal tar-rebħa meta Diogo Jota xeħet fix-xibka bir-ras iżda l-goal ma ġiex konvalidat mill-VAR hekk kif Ro­naldo kien f’pożizzjoni millimetrika ta’ offside.

Peró, fit-93 minuta, huma skorjaw il-goal tar-rebħa minn Francisco Conceicao li approfitta minn żball ta’ Ladislav Krejci.

Ekonomija

Sport